Ġie mħabbar li mix-xahar id-dieħel is-saċerdot se jibda jilqa’ l-korteo funebri fil-bieb tal-knisja, fejn isir it-tberik qabel il-quddiesa, minflok jakkumpanja l-korteo mill-kamra mortwarja sal-knisja. Ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni huma bosta! Din il-miżura se tidħol fis-seħħ fl-Arċidjoċesi ta’ Malta wara l-Għid il-Kbir, jiġifieri fl-10 ta’ April.

Patri Victor Paul Farrugia jgħid, "Il-Kurja ħarġet stqarrija dwar it-tibdil fil-Funerali, minħabba nuqqas ta' saċerdoti u minħabba li l-vjaġġ lejn u mill-isptar qed jieħu ħafna ħin anke minħabba s-sitwazzjoni reali tat-traffiku. Ovvjament mill-ewwel bdiet il-kritika ħafna minnha bla sens ta' diversi persuni f'diversi portals taħt l-aħbar."

Hu jkompli, "Din id-deċiżjoni ittieħdet wara ħafna konsultazzjoni u mhux bl-addoċċ. Fl-ebda mument l-istqarrija ma qalet li mhux se jitbierek il-katavru jew li l-familjari se jitħallew weħidhom. L-ewwel ħaġa li ssemmiet minn xi wħud kienu l-flus!!! Imma naħsbu fis-saċerdoti li uħud minnhom qegħdin weħidhom fil-Parroċċi u jridu jlaħħqu ma' kollox u li kultant ikollhom aktar minn funeral wieħed."

Hu jtemm jgħid, "Naħseb aħjar inkunu realistiċi u nappoġġjaw aktar is-saċerdoti u ngħinuhom milli nintilfu f'ħafna paroli fil-vojt li ma jagħmel ġieħ lil ħadd."

Facebook / Victor Paul Farrugia


Gwida.mt