Il-Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin, ŻfinMalta bi pjaċir tħabbar il-ħatra ta’ Matthew William Robinson bħala d-Direttur Artistiku li jmiss. Id-Direttur Artistiku attwali Paolo Mangiola jħalli r-rwol f'Lulju 2024, wara seba' snin. Mangiola ingħaqad ma’ ŻfinMalta fi tmiem it-tielet staġun tagħha u minn dakinhar mexxa lill-kumpanija nazzjonali taż-żfin ta’ Malta f’perjodu ta’ tkabbir straordinarju, li ġab rikonoxximent fuq livell lokali u internazzjonali.

B’riżultat ta’ dan, iż-żfin kontemporanju issa għandu post prominenti fix-xena tal-arti u tal-ispettaklu f’Malta, b’udjenza lokali li dejjem qed tikber u ddedikata, kif ukoll Malta għandha kumpanija nazzjonali taż-żfin bi preżenza internazzjonali.

Mangiola jirrifletti, "Wara seba' snin ta' sodisfazzjon, ħadt id-deċiżjoni li nirriżenja mill-irwol tiegħi ta' Direttur Artistiku ta' ŻfinMalta. It-tmexxija hija wkoll il-ħila li tifhem meta għandu jintemm ċ-ċiklu u li tippermetti lill-istituzzjoni li servejt tkompli tiżviluppa permezz ta' vuċijiet ġodda u għarfien espert. Kien vjaġġ inkredibbli, u kburi immens bil-kisbiet li ksibna flimkien. Ir-ringrazzjament tiegħi jmur lejn il-koreografi, l-artisti u l-varjetà t’esperti kollha li b’xi mod jew ieħor kkontribwew għat-tkabbir tal-kumpanija."

Hu jżid, "Jien grat immens lejn iż-żeffiena kollha li ħadmu miegħi, qasmu l-għarfien tagħhom, u kkontribwew għall-iżvilupp tal-kumpanija tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar, grazzi enormi tmur lill-udjenzi leali ta’ ŻfinMalta, li mill-ewwel jum bdew dan il-vjaġġ magħna u jkomplu jieħdu riskji magħna, u jimxu magħna. Ninsab kunfidenti fit-tim ta’ talent li bnejna, kulħadd li jaħdem wara l-kwinti, bl-impenn bla heda tagħhom, u nistenna bil-ħerqa li nara l-kumpanija tkompli tikber taħt it-tmexxija l-ġdida. L-isbaħ xewqat tiegħi jmorru lil Matthew hekk kif jibda dan il-kapitlu eċċitanti.”

Matul il-mandat tiegħu, Mangiola ġibed lejn xtutna uħud mill-aktar koreografi stabbiliti u pijunieri importanti li jaħdmu fix-xena internazzjonali, fosthom Tânia Carvalho, Emanuel Gat, Roy Assaf, Rosemary Lee, Sergiu Matis, Riccardo Buscarini, Francesca Pennini, Marco D'Agostin, Mauro Bigonzetti, Ambra Senatore, u Lesley Telford. Mangiola ġabar ukoll kast ta’ żeffiena tal-ogħla kalibru u jħalli kumpanija ta’ għaxar żeffiena full-time kif ukoll żewġ apprentisti.

Flimkien mar-repertorju estensiv ta’ ŻfinMalta, Mangiola għamel ħiltu sabiex ŻfinMalta jkolla programm edukattiv għal nies minn kull sfond, b’kull relazzjoni mal-moviment. B’hekk ŻfinMalta hija magħrufa għall programm t’edukazzjoni inklużiva u parteċipattiva. L-isfond pedagoġiku tiegħu żamm l-attenzjoni fuq it-twaqqif ta’ ekoloġija taż-żfin b’opportunitajiet għal artisti taż-żfin aspiranti, emerġenti u stabbiliti biex jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom u jgħaqqdu mal-udjenzi u l-komunitajiet ta’ ŻfinMalta.

Matthew William Robinson iħalli l-kariga tiegħu bħala Direttur Artistiku tal-kumpanija nazzjonali taż-żfin ta’ Wales biex jingħaqad ma’ ŻfinMalta għall-10 staġun tagħha. Robinson jġib miegħu esperjenza vasta mill-karriera distinta bħala żeffien, koreografu, faċilitatur, direttur tal-provi u direttur artistiku. Ix-xogħol koreografiku tiegħu mexa b'mod estensiv madwar ir-Renju Unit u internazzjonalment għal festivals fl-Ewropa u lil hinn.

Fil-kollaborazzjoni bejn il-forom, Robinson huwa impenjat fi sħubijiet kollaborattivi kontinwi u emerġenti fl-oqsma tal-moda, it-teatru u t-teknoloġija. B’passjoni għall-potenzjal taż-żfin biex inkunu nistgħu naraw lilna nfusna, lil xulxin, u d-dinja tagħna b’mod differenti, huwa avukat tal-moviment bħala parti fundamentali mill-ħajja ta’ kulħadd.

Robinson qabel kellu rwoli bħala żeffien u direttur tal-provi għal ‘Scottish Dance Theatre’, wettaq xogħol minn koreografi internazzjonali, fosthom; Sharon Eyal, Damien Jalet, Hofesh Shechter, u Victor Quijada, u kien Direttur Artistiku ta’ VERVE mill-2016 sal-2021. B'kollaborazzjoni ma' vuċijiet koreografiċi rinomati, il-kumpanija ħolqot programmi distinti u impenjattivi ta' xogħol taż-żfin għal programmi ta' tours internazzjonali, żviluppat reputazzjoni ta' kummissjonar kuraġġuż u li toffri kwalità ta' taħriġ artistiku lil artisti taż-żfin emerġenti.

Fl-2021 Robinson inħatar Direttur Artistiku tal-kumpanija nazzjonali taż-żfin ta’ Wales, fejn ilu jiżviluppa l-possibilitajiet ta’ programmi artistiċi u t’involviment tal-kumpanija u jinterroga r-rwol tal-kumpaniji tar-repertorju, permezz ta’ xogħlijiet għat-teatru, spazju pubbliku, festivals, u kuntesti immersivi. Huwa ggradwa mill-iskola ta' London Contemporary Dance.

Robinson jgħid, "Ninsab ferħan li se nibda dan il-kapitlu ġdid ma’ ŻfinMalta, u nibni fuq ix-xogħol eċċezzjonali ta’ Paolo Mangiola u t-tim kollu. Ispirat mill-ambizzjoni tal-kumpanija, u eċċitat biex nkompli fl-avvenimenti li jmiss flimkien. Lest li mmexxi lil ŻfinMalta fil-kollaborazzjonijiet artistiċi innovattivi li jiċċentraw il-moviment bħala forza trasformattiva fid-dinja tagħna."

Hu jkompli, "Se nikkollaboraw ma’ firxa ta’ vuċijiet artistiċi mill-qrib u mill-bogħod biex noħolqu xogħol ta’ żfin li jispikka b’mod viżwali u fiżikament distintiv, li jiġbed l-immaġinazzjoni tal-udjenzi fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Ninsab ħerqan li nikkollabora mal-ekoloġija artistika tan-nazzjon matul is-snin li ġejjin, naħdem flimkien sabiex nesprimu lil Malta bħala ċentru kulturali vibranti fi ħdan il-pajsaġġ Ewropew tal-prattika artistika."

Il-Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin, ŻfinMalta toqrob għal dan l-anniversarju ta’ 10 snin importanti f’perjodu ta’ saħħa u tkabbir, bi profil internazzjonali li qed jiżdied u skeda estensiva ta’ tours. Il-kumpanija hija eċċitata li tilqa’ lil Matthew William Robinson bħala d-Direttur Artistiku l-ġdid tagħha, b’kunfidenza sħiħa li jġib l-għarfien, il-passjoni u l-viżjoni meħtieġa biex ikompli jmexxi l-kumpanija fid-direzzjoni attwali tagħha.

ŻfinMalta tagħmel parti mill-Aġenzija Nazzjonali għall-arti performattiva (ANAP) aġenzija pubblika li tipprovdi legali konġunti, amministrazzjoni u qafas organiżazzjonali għall KorMalta, Teatru Malta and ŻfinMalta.


Gwida.mt