Il-kantanta Maxine Pace tkellmet magħna rigward dawk l-affarijiet pożittivi li ġraw matul is-sena 2021, minkejja dak kollu li kien qed jiġri madwarna. Fil-fatt fil-bidu ta' Diċembru 2021 Maxine flimkien ma' Michela Pace, Destiny u Gaia Cauchi ħarġet il-kanzunetta ġdida Skin Deep. Kellha rispons mill-isbaħ għaliha u ċertament li spiċċat is-sena bit-tajjeb. 

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma?

Issoltu, kull sena jkolli lista ta’ riżoluzzjonijiet, iżda din is-sena għadni ma tantx ħsibt fuqha! Li nixtieq żgur huwa li fl-2022 niffoka iżjed fuq is-saħħa mentali tiegħi u nieħu ħsieb iżjed lili nnifsi.

L-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratlek fl-2021? 

Żgur mhux forsi hemm tliet affarijiet li ġraw din is-sena li huma l-aktar speċjali għalija. L-ewwel kienet l-EP li ħriġt flimkien mal-video ta’ Pull Me Closer. Imbagħad gradwajt mill-kors tal-liġi. U fl-aħħar ħriġt il-kollaborazzjoni ma’ Gaia, Destiny u Michela ta’ Skin Deep.

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqana biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)?

Apparti milli niggradwa mill-Masters, nixtieq niddedika din is-sena li ġejja sabiex inkompli nikteb u naħdem għal materjal ġdid u forsi din is-sena jkollna iżjed ċans għall-performances ta’ skala ikbar.

Is-sena 2021 ma kienet faċli għal ħadd. Kif tiddeskriviha?

Din is-sena kienet waħda mimlija sew fejn ma tantx kelli ħin nieqaf naħseb jew nieħu ħin għalija. Iddedikajt ħafna ħin għall-mużika tiegħi, għall-iskola, għall-midja soċjali u kif ukoll għall-karriera professjonali tiegħi, allura kelli ħafna fuq xiex naħdem fejn il-ġranet tiegħi ma jifqux minn filgħodu sa filgħaxija kuljum.

X’tgħallimt mis-sena 2021?

Fl-aħħar li ħriġt l-EP li tant kont ilni naħdem fuqu, tgħallimt li għandi nemmen fija nnifsi iżjed minn qatt qabel u inkompli naħdem sabiex inwettaq il-ħolm tiegħi.

Pruvajt xi ħaġa ġdida fl-2021? Jekk le, x’tixtieq tipprova ġdid fl-2022?

Fl-2021 pruvajt nagħmel xi affarijiet żgħar għaliha li ili biex nagħmlilhom. Fl-aħħar għamilt tattoo ddedikata lill-mama u bdejt il-yoga ukoll li qed jgħini ħafna mentalment.

Kif tippjana li tqatta’ u tiċċelebra l-ewwel tas-sena?

L-ewwel tas-sena dejjem inqattagħha maż-żewġ persuni importanti f’ħajti, il-papà u oħti, nagħmlu l-memorji flimkien.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Nixtieq ngħidilhom grazzi ħafna tas-sapport kollhu li jtuni tul is-sena kollha, grazzi talli tissapportjaw il-mużika tiegħi u l-kontenut li nitfa'. Napprezza ħafna kull wieħed u waħda minnkom!

Nirringrazzjaw lil Maxine tal-ħin li tat biex tkellimna fl-okkażjoni ta' jum l-ewwel tas-sena. Minn qalbna nawgurawlha aktar snin ta' saħħa, suċċessi, u kuntentizza! 

Instagram/ visuals_of_kyle


Kyle Zarb