Persuna vivaċi, dejjem għaddej. Ma jaqtax qalbu. Beda fix-xandir minn età żgħira fejn diġà minn ċkunitu kien kapaċi jimmaniġġja waħdu ġo studios prinċipali tal-istazzjon ONE, dak iż-żmien Super One. Preżentatur abbli, wikkiel u jħobb jiddeverti.

Issa beda ġej il-paniku għax daqt se jiżżewweġ. Qed ilesti daru ovvjament, ġo Ħaż-Żabbar. Kien Sindku. L-hena tiegħu isajjar u anke jiġri ġirja. Jorganizza bosta avvenimenti fuq livell nazzjonali. Spiss jien u sħabu naqbdu miegħu għaliex ikun irid kollox fuq livell nazzjonali. Imma jirnexxielu. Ħabib antik. Tkellimna ma’ Quinton Scerri.

Ritratt: Facebook / Quinton Scerri

Il-midja ilek fiha minn ta’ età żgħira. Xi ttik lura l-midja biex tħobbha daqshekk?

Ix-xandir għamilni dak li jien illum. Persuna anqas mistħija u skjett fi kliemi. Tgħallimt ħafna tul is-snin u kont ukoll furtunat li ssawwart b’nies li tawni fiduċja, għalmuni u tawni opportunitajiet. Il-midja ittini spazzju nkun kreattiv u nwettaq il-ħolm tiegħi.

Qatt kellek mumenti xi ftit antipitiċi waqt li forsi kont qed tippreżenta xi programm?

Mhux wieħed jew tnejn. Niftakar darba b’ċajta qatgħu u editjaw numru ta’ filmati tiegħi; għajjien ninkedd għaliex konna domna niffilmjaw ferm aktar milli ppjanat u tant kemm damu jinkuni biħ li bi żball spiċċaw ħarġu l-filmati on-air. Tista’ timmaġina x’umiljazzjoni.

Ritratt: Facebook / Quinton Scerri

Tbakkar kmieni u torqod tard. Kif jirnexxielek?

Emmini ma’ nafx. Jien qatt ma kont persuna ta’ filgħodu, anzi siegħa żejda filgħodu kont nara ġenna. Pero drajt u nsibni komdu. Dan is-sajf spiċċajt kont qiegħed inqum kmieni ukoll; ġirja tajba u tibda l-ġurnata kmieni, tiskanta kemm tilħaq tlesti affarijiet.

Tħobb ukoll torganizza avvenimenti mhux komuni jew inkella li jidhru li fihom biċċa xogħol kbira. Imma magħruf li tidħol għalihom iżjed sfidi hekk. Minn dejjem kont hekk?

Trid tgħid int, minn dejjem kont ftit ‘melħa’ – Apparti ċ-ċajt, iktar ma’ kemm il-proġett ikun fih sfida, aktar inħossu li jagħtini sodisdazzjoni. Mal-kollegi tiegħi irnexxielna noħolqu għadd ta’ proġetti li għamlu ħoss kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Din is-sena, meta tieħu l-proġetti kollha, kellna attendenza ta’ ‘il fuq minn 100,000 ruħ. Nieħu pjaċir li wara kedda u sfida fil-preparamenti nara n-nies kuntenti jitpaxxew b’xogħolna. Is-sodisfazzjon tkun it-tbissima ta’ dawk li jattendu.

Ritratt: Facebook / Quinton Scerri

Xi jdejqek u xi jferħek mill-fatt li jafuk ħafna nies?

M’hemmx ħafna li jdejjaqni, għajr mumenti li nkun nixtieq aktar privatezza u forsi anqas ġudizzju. Hawn min għandu ilsienu kiefer, jiġġudika, anke jekk anqas biss ikun jafek jrid itappnek bl-għadab ta’ fommu. Minn naħa l-oħra l-apprezzament ġenwin u l-fatt li ħafna nies jilqgħuk fi djarhom bi ħġarhom minn jum għal ieħor jimlik b’kuraġġ, ferħ u sodisfazzjon.

Meta tħares lura, għaliex għandek tiftakarha l-2019?

Għalija kienet sena sabiħa u pożittiva. Għamilt ħafna sagrifiċji u ħinijiet twal ix-xogħol li iżda sarfu f’ħafna sodisfazzjon.

Ritratt: Facebook / Television Malta

Proġetti ġodda għall-2020?

Għandi ħafna x’ngħamel u kalendarju diġà ppakjat, però l-mira ewlenija għal din is-sena ser ikun it-tieġ u li nlesti d-dar. S’issa kont pjuttost passiv u Kerstyl ħadet ħsieb kollox hi, però issa li fadal biss ftit xhur beda ġej l-eċitament u xi ftit paniku għal din il-ġurnata speċjali li nixtieqha tkun ġurnata li fiha nkun mdawwar b’dawk l-aktar li ngħożż u li fiha niċċelebra l-imħabba ta’ ħajti ma’ dawk l-aktar viċin tagħna.

Facebook / Quinton Scerri


Clifford Galea