Gwida.mt kellu ċ-ċans li jitkellem ma' Enya Magri dwar is-sena 2021, l-isfidi li ltaqgħet magħhom u anke l-aspetti pożittivi li ħarġu minnha. Enya persuna pożittiva għall-aħħar u dejjem tara kif tħares lejn il-ħajja b'mod pożittiv. Hi tidħol fid-dettal ta' kif affettwata l-Coid-19, u wkoll dwar bidla kbira li għamlet fil-karriera tagħha. 

Kif kienet is-sena 2021 għalik u x’qed tistenna mis-sena 2022?

Is-sena 2021 offrietli momenti sbieħ kif ukoll mumenti koroh. Kienet sena illi giegħlitni nagħraf iktar kemm hi prezzjuża il-ħajja u kemm hu importanti li ngawdu u nħobbu lil dawk madwarna.

F’din is-sena, kawża tal-pandemija, id-dinja nbidlet ta’ taht fuq u sfortunatament il-ħajja taghna giet affetwata ukoll. Madanakollu, min-negattiv, trid tħares xi ftit lejn il-pożittiv. Għalija personali kelli ħafna ħin fuq idi biex nirrifletti dwar ħajti u naħdem aktar fuqi nnifsi, u fuq dak li nixtieq nikseb fil-futur.

Issa li s-sena 2021 ġejja fi tmiem, inħares ‘l quddiem b’lenti pożittiva, b’daħka fuq wiċċi, għaliex wara kollox dik hija l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja. Nittama li s-sena l-ġdida tkun waħda sabiħa.

Tħoss li affetwatek il-pandemija u x’kien l-impatt tagħha fuqek?

Il-pandemija kkawżat diversi intoppi, il-ħajja tiegħi inkluża, għaliex ħassejtni daqskieku kont f’ħolma kerha. Fi żmien li ma stajniex noħorġu ħlief għall-essenzjal, ħassejtni anzjuża ħafna, u kont tlift il-motivazzjoni kollha. Madankollu, kif diġa għidt kelli ċ-ċans li nirrifletti, bdejt napprezza aktar il-ħajja u dak kollu li nħobb. Xi mixja fil-kampanja kienet iżżomni kalma, u kienet ittini paċi.

Enya, nafu li din is-sena ħadt deċiżjoni kruċjali fil-karriera professjonali tiegħek – xi tgħidilna dwar dan u x’wassal għal din id-deċiżjoni?

Fil-bidu tas-sena kont studenta tal-liġi fi ħdan l-Università ta’ Malta, iżda matul l-istudji tiegħi ma bdejtx inħoss li din hija l-linja tiegħi, u għaldaqstant ridt inħares lejn xi ħaġa oħra. Minn meta kont tfal, jien dejjem trabbet f’ambjent b’ċerti valuri u ħassejt li dawn il-valuri ma kinux jaqblu ma’ dak li kont qiegħda nistudja.

B’hekk wara ħafna ħsieb u riflessjoni, iddeċidejt li nbiddel il-kors u temporanjament waqaft mill-istudji tiegħi. Sibt xogħol speċjali ħafna, naħdem mat-tfal, u hemmhekk irrealizzajt li qalbi tħabbat għal din il-professjoni.

Kellek xi avveniment speċjali fis-sena li għaddiet li żgur ħa tibqa’ tiftakar?

Din is-sena, ħriġt FEELIN’, it-tielet kanzunetta oriġinali, u din kienet speċjali ħafna għal żewġ raġunijiet: l-ewwel minħabba li tagħha ktibt il-lirika tagħha jiena stess u t-tieni għax iffilmjajna l-vidjo li akkumpanjaha fid-dar tan-nanna li ħallietna Jannar li għadda. Il-memorja tagħha hija mnaqqxa f’din il-kanzunetta għal dejjem.

Narawk tirsisti u toħroġ materjal tiegħek kull sena – titħajjar għall-kompetizzjonijiet lokali?

Fil-karriera tiegħi, dejjem nipprova nvarja u nesperimenta affarijiet differenti. Jiena qatt m’għidt le għall-kompetizzjoni u min jaf, forsi s-sena d-dieħla tarawni nerġa’ nieħu sehem.

Nixtieq nawgura lill-qarrejja kollha ta’ Gwida.mt. Nixtiqilkom ħafna paċi, sliem u hena f’din is-sena li ġejja. Tinsewx kemm il-ħajja hi prezzjuża, gawdu kull ġurnata, u dejjem ħobbu u rrispettaw lil ta madwarkom. B’dan il-ġest sabiħ, nistgħu nagħmlu d-dinja post aħjar.


Emil Calleja Bayliss