Lil Nicole Frendo nafuha mill-ewwel edizzjoni tal-programm X Factor Malta fejn rajnieha tasal ukoll sal-finali. Nicole kienet ukoll fil-ġurija tal-eurovision song contest ta’ din is-sena, u bħalissa qed taħdem ukoll fuq proġett ġdid. Però lil hinn minn x factor u l-mużika, nicole għandha wkoll ħolma biex taħdem fil-volontarjat u tgħin nies fil-bżonn.

View this post on Instagram

A post shared by Nicole Frendo (@nicolefrendoofficial) on

Nicole, l-avventura tiegħek fuq X Factor kienet waħda sodisfaċenti għaliex minbarra li kklassifikajt fit-tielet post, ksibt ukoll is-sapport ta' ħafna Maltin. Kif ħassejtek bil-fatt li rnexxilek tasal sal-finali?

Minn kemm ilni niftakar, l-X Factor minn dejjem kien ħolma kbira tiegħi. Il-fatt li għaddejt mill-ewwel audition, lura f’ ġunju, diġà kienet xi ħaġa kbira għalija, aħseb u ara li wasalt sal-finali. Xi drabi għadni nqum u jkolli naċċerta lili nnifsi fuq x’ ġara, għaliex kollox għadu jinħass qisu ħolma għalija! Il-fatt li kien hemm ħafna nies li issaportjawni u apprezzaw dak li kelli x’noffri, hija xi ħaġa indiskrivibbli u li timlini b’ferħ kbir. Li wasalt sal-finali servitni prova ta’ xi ħaġa li verament nemmen fiha; meta taħdem u tirsisti għal dak li tħobb, kapaċi tasal ‘l hinn minn fejn qatt ħsibt. Li wasalt sal-finali tal-x factor bil-ħila tiegħi, hija ta’ sodisfazzjon kbir. Kienet ħolma li issa saret realtà.

X'differenza għamlet il-parteċipazzjoni tiegħek f'x factor mużikalment u anki personalment?

L-X Factor ġab fija bidla pożittiva mmens, kemm bidla mużikali u kemm dik personali. L-x factor laqqgħani mad-dinja tal-mużika u ġabni aktar konxja tagħha. L-għarfien mużikali tiegħi żdied ferm u rrealizajt kemm fil-verità, kien għad baqgħali ħafna x’insir naf dwar din l-industrija, u ċerta li għad baqgħali x’niskopri. Apparti minn hekk, rajt bidla fija nnifsi wkoll. Fejn qabel kont mistħija, issa sirt aktar kunfidenti. Mhux għax il-mistħija telqet kompletament, iżda sirt nemmen ħafna aktar fija nnifsi, xi ħaġa li vera kont inbati fiha. Fejn qabel il-palk kien ibeżżgħani, għax dejjem tlajt fuqu bil-ħsieb li se niġi mmaqdra, issa sar qisu t-tieni dar tiegħi.

Tħoss li X Factor laħaq l-aspettattivi li kellek fil-bidu ta' din l-avventura?

B’kull sinċerità, l-x factor mhux talli laħaq l-aspettattivi li kelli, iżda qabiżhom sew. Bqajt impressjonata bil-professjonalità u d-determinazzjoni li esperjenzajt. Mhux għax ma nemminx fit-talent malti, anzi pjuttost il-kontra, izda xi ħaġa meraviljuża hekk, kont għadni qatt ma rajt. Kienet avventura tal-bliegħ, li kont iffortunata biżżejjed biex inkun parti minnha.

Liema kienu l-aktar mument ta' sfida għalik u l-isbaħ mument f'X Factor?

Kelli żewġ mumenti li kienu kemm ta’ sfida iżda sbieħ għalija. Dawn kienu il-judges’ houses u live show 2. Fil-judges’ houses ġejt wiċċ imb'wiċċ ma’ sfida pjuttost iebsa, għaliex howard keith, il-mentor tat-tfajliet fl-x factor, kellu jagħmel għażla diffiċli fejn kellu jagħżel tliet tfajliet biss biex jeħodhom miegħu għall-live shows. Ovvjament, bħal kulħadd, ma xtaqtx li l-avvenentura tiegħi tieqaf hemm, għaliex kienet għal qalbi ħafna. Il-fatt li emmen fija tfisser wisq għalija, u t'hekk jien ninsab grata ħafna lejh. Min-naħa l-oħra, live show 2, fejn kantajt purple rain tal-kantant prince, kien l-isbaħ mument għalija għalkemm kien wieħed stressanti wkoll. Id-diska hija magħrufa sew, u xtaqt li nagħmlilha ġid, b’hekk ħassejt ftit pressjoni mhux ħażin, però n-nies komplew miegħi u ħassejthom li apprezzawni, u ta’ dan ser nibqa’ nħossni grata lejhom. Dawn il-mumenti, fost oħrajn, ħallew impatt kbir fuqi u ser ngħożżhom f’qalbi għal dejjem.

Id-dwett tiegħek mal-kantant Matthew James niżel tajjeb ħafna mal-pubbliku, kemm lokalment u anki internazzjonalment. X'fisser għalik dan il-mument?

Matthew James huwa artist bravu ħafna, u nammirah għaliex għalkemm huwa persuna ta’ talent kbir u magħruf sew mal-pubbliku, xorta waħda żamm saqajh mal-art . Meta aċċetta l-istedina sabiex ikanta miegħi fil-finali, kont fis-seba’ sema. Id-dwett tagħna huwa għal qalbi ħafna u nħossni ixxurtjata ferm li kelli din l-opportunità sabiex inkanta ma’ wieħed mill-idoli tiegħi. Ninsabu kuntenti ħafna li rċevejna rispons tant pożittiv mill-pubbliku.

X'messaġġ tgħaddi lil dawk li se jkunu qegħdin jipparteċipaw fit-tieni staġun ta' X Factor?

Lil dawk kollha li se jkunu parti mit-tieni staġun ta’ x factor malta, nawguralhom minn qiegħ qalbi. Iġġieldu għall-ħolma tagħkom u qatt taqtgħu qalbkom. Aħdmu u stinkaw, u kunu ċerti li tmorru preparati għal kull fażi tal-kompetizzjoni. Apparti minn hekk, ngħidilhom biex jieħdu gost u jieħdu kemm jistgħu minn din l-esperjenza għaliex hija opportunità ta’ darba. Fl-aħħar u mhux l-inqas, kantaw minn qalbkom, u jiġri x’ jiġri kunu kburin bikom infuskom.

View this post on Instagram

A post shared by Nicole Frendo (@nicolefrendoofficial) on

Fil-eurovision ta' din is-sena kont ukoll waħda mill-ġurija f'isem Malta. X'kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta ġejt avviċinata biex tkun ġurija u kif kienet din l-esperjenza għalik?

Ir-reazzjoni tiegħi għal dik l-aħbar kienet pjuttost waħda ta' sorpriża, għaliex ma kontx qed nistennieha, iżda kienet ta’ unur kbir għalija. Naprezza ħafna li ġejt fdata bi rwol daqshekk importanti. L-esperjenza kienet waħda sabiħa ferm iżda ta’ sfida, għaliex sfidatni ħafna fl-għarfien mużikali tiegħi. Xorta waħda kont qed nagħmel xi’ ħaġa li nħobb, u b’hekk hija esperjenza memorabbli ħafna, li kompliet tgħini nsaħħaħ l-għarfien tiegħi.

Kif qed taspira li tkompli tevolvi l-karriera mużikali tiegħek?

Issa la għadda l-x factor, u ddedikajt ftit ħin għall-iskola wkoll, qed nippjana li noħroġ xi materjal ġdid. Minn mindu kont żgħira bdejt nikteb xi lirika 'l hemm u ’l hawn, u għandi ġenn sabiex naqsam l-esperjenzi li għaddejt minnhom f’ħajti ma’ dawk li huma lesti jisimgħu, permezz tal-kant. F’ħajti ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġa oħra apparti nkanta, allura ninsab determinata biex nkompli nevolvi l-karriera tiegħi bl-aħjar mod possibbli.

View this post on Instagram

A post shared by Nicole Frendo (@nicolefrendoofficial) on

Hemm xi messaġġ partikolari li tixtieq twassal fil-futur permezz tal-mużika tiegħek?

Permezz tal-mużika tiegħi nixtieq inxerred iktar imħabba u paċi. Nixtieq infakkar lil kulħadd li normali li nħossuna waħedna u mdejqin, iżda rridu nkunu hemm għal xulxin u nfakkru lil dawk ta’ madwarna li huma maħbubin. Nixtieq nwassal il-messaġġ li ħafna nies esperjenzaw dak kollu li wiehed jista’ jkun ikun qed jgħaddi minnu, u b’hekk jista’ jiġi mifhum. Bażikament, bil-mużika tiegħi, nixtieq li ngħin lin-nies isiru jħobbu lilhom nfushom.

Ilum il-ġurnata int persuna pubblika. Irrakkuntalna wieħed mill-mumenti ħelwin li kellek mal-ammiraturi tiegħek.

Il-mumenti li naqsam ma’ dawk li jissaportjawni, huma kollha memorabbli u ħelwin għalija, ma nistax naqbad u nagħżel mumenti partikolari. Però jkolli nammetti, li nieħu pjaċir wisq niltaqa’ ma’ tfal żgħar, għax niggustahom wisq u għandi mħabba kbira lejhom. X’ħin jaqbdu jistħu ma nkunx nista’ nżomm lili nnifsi milli ngħaffiġhom miegħi, f’tgħanniqa kbira.

View this post on Instagram

A post shared by Nicole Frendo (@nicolefrendoofficial) on

Liema huma l-valuri u l-prinċipji li tikseb kemm tikseb suċċess se tkun ċerta li żżomm?

Ftit mill-ħafna valuri u prinċipji li jien ċerta li ser inżomm tul ħajti kollha, huma dawk tar-rispett, umiltà u gratitudni. Jien persuna li nemmen ħafna bil-valuri u nemmen li jgħinuna ħafna fil-ħajja, għaliex immexxuna 'l quddiem biex nilħqu l-ħolm tagħna. Barra minn hekk jgħinuna biex naffaċjaw diversi ostakli li nistgħu niltaqgħu magħhom f’ ħajjitna. Ir-rispett, sfortunatament, qed jonqos ħafna fid-dinja tal-lum, u nixtieq inkun waħda minn dawk li jgħinu nfakkru lil ċertu nies, it-tifsira veru tal-kelma ‘rispett’. Il-valuri tal – umiltà u gratitudni nemmen ukoll li huma importanti ħafna meta wieħed jaħdem biex jikseb is-suċċess f’ħajtu, għaliex jgħinuna nibqgħu grati u dejjem jibqgħu ifakkruna minn fejn bdejna.

Il bogħod mill-mużika, hemm xi ħolma partikolari li tixtieq twettaq?

Apparti l-ħolm li għandi relatat mal-mużika, għandi ħolm oħrajn. Fosthom hemm il-ħolma tal-ħtieġa li ngħin lil nies fil-bżonn, b’mod volontarjat. Nixtieq li npoġġi tbissima fuq wiċċ in-nies, għaliex dawn l-affarijiet jagħtuni sens ta’ skop f'ħajti.. Ħolma oħra hija dik li nsir għalliema tal-primarja, għaliex nixtieq inrawwimhom b’ valuri u lezzjonijiet li ser ikollom bżonn fil-ħajja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Roberta Magri