Theresa Ann Cachia hi personalità li kisbet fama kbira matul l-2021 mal-Maltin u l-Għawdxin, speċjalment fuq il-pjattaforma TikTok. Kienet sena li anke tagħtha l-opportunità li anke tkun mistiedna waqt diversi programmi televiżivi. Aħna ta' Gwida.mt skoprejna xi avvenimenti li Theresa u l-familja tagħha qed jistennew fl-2022. Xi kliem ta' ġid li tant tħobb tgħid ma jonqosx mingħandha!

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma?

Riżoluzzjonijiet ma għadniex nagħmel ... kuljum nipprova ngħix il-mument daqs li kieku għada ma jeżistix.

L-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratlek fl-2021?

L-2021 kienet sena oħra mimlija emozzjonijiet u lezzjonijiet u opportunità li ngawdi lill-persuni li nħobb .

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqana biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)?

L-2022  ... għandna ftit moviment mhix ħażin fil-familja ... Qed nistennew tarbija ta' xi ħadd viċin ... għandi t-tieġ  ta' ħija ... u t-tfal, it-tifla se tagħmel il-praċett u t-tifel il-griżma ... ħafna emozzjonijiet differenti!

 Is-sena 2021 ma kienet faċli għal ħadd. Kif tiddeskriviha?

L-2021 ma kinitx l-agħar sena ... kelli snin agħar. 

X’tgħallimt mis-sena 2021?

Fl-2021 tgħallimt ħafna x'inhuma l-aktar affarijiet importanti.  Li nipprova ma ninkwetax fuq ħmerijiet. Li l-importanti hi s-saħħa. L-affarijiet  l-oħra kollha jmorru w jiġu.

Pruvajt xi ħaġa ġdida fl-2021? Jekk le, x’tixtieq tipprova ġdid fl-2022?

Fl-2021 komplejt ħolma li kelli minn dejjem ...  li nkun qrib in-nies ... b'pożittività, sens t'umoriżmu u storbju. Għall-2022 nixtieq li nkompli dak li bdejt.

@tereza1783

Happy new year .... Follow me in Instagram for more 😉

♬ Jr Stit x bruno mars x adele - Margaux_lbt

Kif tiddeskrivi l-2021 f’tliet kelmiet?

Paċenzja. Ġenn. Tfexfix. 

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Għix il-ħajja bl-aħjar mod ... gawdi u ħobb lil ta' madwarek. Tieħux l-affarijiet  b'ħafna serjetà għaliex illum hawn u għada ma tafx. Il-ħajja sabiħa, għixha. Meta tmiss il-qiegħ tkun taf x'jiġifieri.

Nirringrazzjaw lil Theresa li għoġobha taqsam magħna dawn il-ħsibijiet fid-dawl tas-sena l-ġdida. Nawgurawlha mill-qalb lilha u lill-familja kollha!


Kyle Zarb