Il-Eurovision, ħa ssib dawk il-fanatiċi li jaraw sal-iċken dettall imbagħad għandek dawk li jieħdu gost jaraw ta' darba fis-sena u oħrajn li jgħidu ma jifilħux dan l-ispettaklu, imma aktar jispiċċaw bilqiegħda jsegwu. Malta din is-sena bdiet il-ġirja għall-finali tal-Eurovision Song Contest bħala wieħed mill-pajjiżi favoriti li jirbaħ din l-edizzjoni.

L-apettativi huma kemxejn kbar. Tirrapreżentana għandna lil ħadd ħlief Destiny. Destiny li rebħitna l-Junior Eurovision Song Contest fl-2015, Destiny li spiċċat quddiem Simon Cowell f'Britain's Got Talent, Destiny li rebħet it-tieni edizzjoni ta' X Factor. Destiny hi Destiny, talent kbir u maħbuba minn ħafna nies. Iżda la hemm il-Eurovision Song Contest fin-nofs, bilfors li trid tinqala' xi kontroversja jew oħra.

Ilbieraħ Destiny kellha l-ewwel prova fuq il-palk u ħarġet b'kostum roża, kostum li qala' kontroversja enormi. Ħafna Maltin u barranin ikkummentaw li l-kostum mhux addattat. Kien hemm min semma' l-figura tagħha bħala skuża u oħrajn qalu li xtaqu jarawha b'xi kostum simili għal dak li kellha fil-filmat mużikali tal-kanzunetta. Insomma, bħal kull ħaġa oħra kulħadd spiċċa jgħid tiegħu.

Kien hemm ħafna li qalu li Destiny bħala artista għandu jkollha għażla u tkun taf x'inhu addatat għaliha filwaqt li oħrajn bdew jistaqsu u jaraw min kien il-moħħ wara dan il-kostum. Uħud mid-disinjaturi ewlenin f'pajjiżna bdew jgħidu li d-dehra tagħha ġiet fdata f'idejn il-barranin iżda dan għadu mhux magħruf uffiċjalment. Li nafu żgur li Destiny fil-konferenza stampa qalet li hi tħossha komda bl-ilbies u tixtieq tgħaddi messaġġ.

Ħsieb riflessiv li ħalliet il-kantawtriċi Corazon, ġibdilna l-attenzjoni tagħna. "Mela filli kulħadd iħobbha u f’sekonda kissirnieha, għax kixfet il-koxxa. Bħalm’għamlu ‘l Kristu f’Ħadd il-Palm - u gimgħa wara sallbuh." Int x'taħseb?

EBU / Thomas Hanses


Emil Calleja Bayliss