Gwida.mt kellha ċ-ċans li titkellem mal-kantanta, attriċi u mudella lokali Michela Galea. Lil Michela kellimnieha ftit dwar il-memorji ta' dawn il-festi u qasmet magħna ritratti ħelwin mill-passat!

Michela, x’memorji għandek tal-Milied ta’ meta kont għadek tfal?

Il-Milied iġib miegħu ħafna ferħ u kuntentizza. Għandi memorji sbieħ immens ta' meta kont għadni tifla. Niftakar lili u lil ħija nbakkru kmieni filgħodu f’jum il-Milied ħerqanin biex niftħu r-rigali li kien ħallielna Santa Klaws. Ma jonqsux l-ikliet u ċ-ċelebrazzjonijiet li kien ikollna mal-kuġini u l-familja kollha. Żmien sabiħ immens.

Hemm xi ħadd li f’dawn iż-żminijiet timmissja mmens?

Fil-bidu ta’ din is-sena sfortunatament tlift liż-żewġ nanniet tiegħi f’temp ta' 7 ġimgħat u għalhekk din is-sena se jkun l-ewwel Milied mingħajrhom però ninsab ċerta li f’kull ħin u kull mument, ikunu miegħi fl-ispirtu.

Dawn il-festi jġibu ħafna ġabra u għaqda, issa għall-artisti impenjati bħalek iġibu ħafna xogħol. Kif issib bilanċ?

Jiena dejjem emmint kemm time management huwa importanti. F’dawn iż-żminijiet tal-festi ikolli ħafna avvenimenti u impenji però dejjem nagħmel mezz li nsib ħin kemm mal-familja u kif ukoll ħin biex ingawdi ftit ma' nies viċin tiegħi.

Din it-tieni sena konsekuttiva li sfortunatament ma saritx il-pantomima li mdorrijin narawk fiha. Tħossu n-nuqqas tagħha?

Ħafna nħossu n-nuqqas tal-pantomima. Konna nqattgħu xahrejn mill-isbaħ flimkien mal-kast kollu. Konna nsiru qisna familja. Il-pantomima nieħu gost nagħmilha għax tista' tamalgama t-tliet dixxiplini tal-arti performattiva, li tista' tgħid huma tliet passjonijiet tiegħi allura bilfors li nħossu n-nuqqas tagħha.

Il-Milied xi jfisser għalik u x’inhi l-iżjed ħaġa li tħobb dwar dan iż-żmien?

Għalija l-Milied iġib ħafna kuntentizza, hena, għaqda, u serenità. Il-fatt li tista' tgawdi dan iż-żmien mal-iktar nies viċin tiegħek hija xi ħaġa indeskrivibbli.

Michela tagħlaq billi tgħid lill-qarrejja tagħna, "Nixtieq nawgura l-festi t-tajba lil kulħadd. Gawdu u ifirħu flimkien, però ibqgħu ħudu ħsieb saħħitkom, osservaw ir-restrizzjonijiet għax il-virus għadu magħna sfortunatment. Tixorbux u ssuqu.


Emil Calleja Bayliss