Nikolai Vella ta' ħdax-il sena ilbieraħ iddedika poeżija vera ħelwa lil ommu. Nikolai għamel dan waqt żewġ lezzjonijiet free li kellu l-iskola. Omm Nikolai tiġi l-awtriċi Natasha Vella Turner li qasmet din il-poeżija fuq il-profil ta' Facebook tagħha.

Jidher biċ-ċar li Nikolai għandu l-istess imħabba li għandha ommu lejn il-letteratura. Ommu Natasha ppublikat diversi kotba u anke kitbet numru ta' kanzunetti għal festivals lokali inkluż il-Malta Eurovision. Insomma lura għal Nikolai...

Ara ftit il-kliem sabiħ li kiteb Oliver Friggieri li ż-żgħir Nikolai ddedika lil ommu! Mhux ta' b'xejn ommu kitbet: "Kburija wisq bik ibni u nħobbok ħafna."

Bħal qronfla li titbissem
bil-fwieħa ġewwa l-ġnien
u bħal għasfura hienja
titajjar fil-ħolqien.

Bħal ċagħka li titħarrek
mal-bewsa tal-mewġiet,
bħal werqa li titbandal
maż-żifna tal-fewġiet.

Bħal xemgħa bajda tixgħel
fis-skiet sewdien tal-lejl ;
bħal kewkba tleqq u tteptep
minn bejn is-sħab għaddej.

Bħal ġawhra f'nofs ħannieqa
li ż-żmien ma jobroxhiex,
bħal għodwa tar-Rebbiegħa
li x-Xitwa ma tmisshiex.

Hekk inti qed tikbirli
imma f'qalbi ma tixjieh qatt,
għalhekk inti sabiħa
u bħalek m'hawn ħadd.

Aħna f'isem Gwida.mt nixtieq ngħidu prosit lil Nikolai li wera l-imħabba tiegħu bl-isbaħ mod possibli! Aħna nħeġġuh li jibda jesplora l-ħila tal-kitba... ċertament li hemm ċans tajjeb li wiret it-talent ta' ommu. Għandha biex tkun kburija ommok!

Ovvjament nuru l-apprezzament tagħna lil Oliver Friggieri, wieħed mill-aqwa awturi li għandna f'pajjiżna. It-tifel kellu raġun juża dan il-kliem imprezzabbli sabiex jgħaddih lil ommu. 

*L-artiklu ġie amendat biex jippartjeni għal fatti. 


Emil Calleja Bayliss