Fabian Demicoli wkoll kellimna dwar is-sena 2021 u dak li ġabet magħha, bl-isbaħ mument meta twieled l-ewwel iben tiegħu Luigi Antonio. Fabian qalilna dwar dak li qed jistenna l-iżjed mis-sena 2022.

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma?

Din is-sena nixtieq li nkompli nitgħallem kif inkun missier tajjeb waqt li determinat li nkompli naghti importanza lil saħħti permezz tal-eżerċizzju. Din is-sena bdejt niġri regolari u ser inkompli ntejjeb fuq dak li bdejt.

L-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratlek fl-2021?

Bla dubju t-twelid ta’ ibni Luigi Antonio fl-1 ta’ November, kien aktar speċjali għax inċidentalment fil-5 ta’ Novembru kien it-30 anniversarju mill-mewt ta’ missieri Toni, u għalhekk ‘Antonio’ għal Papa’

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqan biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)?

Is-sena li ġejja se jkollha ħafna mumenti sbieħ, qed inħares il-quddiem għal proġett ta’ Shark Tank li se nkun wieħed mit-tim tal-produzzjoni kif ukoll għandi proġett l-Awstralja relatat mat-televiżjoni u nittama li wara sentejn (minħabba l-Covid-19) jirnexxielna nwettqu dań il-proġett.

Is-sena 2021 ma kienet faċli għal ħadd. Kif tiddeskriviha? X’tgħallimt mis-sena 2021?

Bid-diffikultajiet kollha li ġabet magħha, nemmen li kienet sena kollha sabiħa u li l-poplu rnexxielu jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet u għalhekk bħal kull sena, kellha l-isfidi tagħha, imma l-importanti li ngħarfu kif se ndawwru dawk l-isfidi f’opportunitajiet sbieħ u memorabbli.

Pruvajt xi ħaġa ġdida fl-2021? Jekk le, x’tixtieq tipprova ġdid fl-2022?

Bla dubju l-irwol ta’ missier li huwa ta' sfida ħafna, huwa bidla fl-istil ta’ ħajja u fuq kollox għandek responsabbilità ta’ persuna. L-irqad f’dan il-każ huwa l-inqas uġiegħ ta’ ras, imma s-sodisfazzjon huwa kbir.

Kif tiddeskrivi l-2021 f’tliet kelmiet?

SENA LI MHUX SE NINSA jew IT-TWELID TA’ IBNI

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Il-ħajja qasira wisq, kull minuta hija imprezzabbli, gawdu l-ħajja u titilfux l-opportunitajiet li jiġu! Il-ĦAJJA SABIĦA!

Grazzi kbira lil Fabian ta' dawn il-ħsibijiet li qasam magħna u ninsabu tassew kuntenti għalih bl-irwol ġdid tiegħu ta' missier! Awguri mill-qalb għas-sena 2022 għażiż lilek u lill-familja kollha!


Kyle Zarb