Daniel Muscat qasam kelmtejn dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna li xejn ma hi sabiħa u ddeskriva dawk li jħossu ħafna nies ta’ din il-ġenerazzjoni.

Dal-pajjiż li nzertajt twelidt fih qed isir dejjem iżjed insaportabbli biex tgħix fih,” hu kiteb. “Kuljum preċett wieħed mill-ewwel ħsibijiet li jiġuni f'moħħi hu kif se nagħmel biex nitlaq u ndabbar rasi 'l hemm u nibda ħajja x'imkien ieħor. Mhux faċli għax bnejt l-għeruq hawn. U vera mhux xi ħaġa li nixtieq għax pajjiżi jogħġobni, jew għallinqas kien jogħġobni. Imma iżjed ma jgħaddi żmien iżjed qed insir nistmerhu. U naf li m'inhiex waħdi. Das-sentiment jinħass qawwi fil-ġenerazzjoni tagħna u f'dik iżgħar minna.” 

“Tagħtina tort? Min irid jgħix f'pajjiż hekk? Gżira daqs tikka nbidlet f'sit tal-kostruzzjoni minħabba r-regħba. Krejnijiet, toroq magħluqin qisek qiegħed ġo labirint, serbut karozzi wara ieħor, trabijiet, dħaħen, blokkok koroh jispuntaw minn kullimkien, baħar bl-islime jeħel miegħek, bajjiet mifqugħa bid-deckchairs…”

“Pajjiżna spiċċa meħud minn klikkek ta' bullies u kriminali. Imbagħad tara l-pulizija jinkoffoffaw mal-operaturi tad-deckchairs, li ħadu bajja mill-isbaħ u għamluha tagħhom. Tara filmati ta' kuntrattur li faqa' kull m'hawn bini ikrah jintrefa' fuq l-ispallejn u jiddieħak f'ritratti ma' politikanti. Tara bord tal-PA japprova mostrożita' wara l-oħra.”

 

“Pajjiżna qed jitfarrak biċċa biċċa bil-barka tal-awtoritajiet waqt li ħaddieħor iħaxxen butu mill-istupru kontinwu. U filwaqt li ħaddieħor jista' jgawdi xi villa bil-pool, jew jaħrab ħarba fuq il-jott lejn Ibiza jew xi gżira Griega, int trid toqgħod hawn tiġġieled għall-ispazju. Tittama li ma teħilx fit-traffiku, li t-triq li trid tgħaddi minnha mhix magħluqa, li ta' ħdejk mhux se jgħollu u jgħattulek il-pannelli, li l-appartament gaġġa li għalih iddejjint mal-bank għal għomrok mhux se jispiċċa mdallam taħt xi torri, li l-ġnien ta' warjakom ma jsirx triq, li l-bajja fejn m'hemmx bram mhix okkupata mid-deckchairs u l-umbrellel, li fil-baħar m'hemmx slime…”


“P.S. Ejja ma noqogħdux inġibu skuża bil-barranin. Il-problemi li semmejt, inkluż popolazzjoni li kibret bl-addoċċ huma sforz ir-regħba ta' 'ħutna' Maltin u d-deċiżjonijiet politiċi li saru/isiru. Li tpoġġi l-ħtija u tiżvoga r-rabja lejn 'il-barrani' mhi xejn ħlief skuża banali u aljenazzjoni għal problemi sistematiċi ferm ikbar. Il-barranin jiġu biex jaħdmu u jekk xejn qed jagħtuna servizz u qed jiġu sfruttati b'mod diżgustanti.”

Facebook/Daniel Muscat


Bernard Xuereb