Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent kienu Jomike u Lydon. Ħafna kienu l-Maltin li esprimew is-sodisfazzjon xħin raw lil dawn it-tnejn ikantaw flimkien. Dan id-duo fenomenali li tant qed jagħmlu ġieħ lill-Malti, lill-għana u lill-makkjetti! Biss hemm imnejn li ma’ Jomike u Lydon jingħaqad membru ieħor fil-makkjetti, għax Jomike u l-maħbuba tiegħu qed jistennew tarbija!

Nawguraw lilek u lill-maħbuba tiegħek għat-twelid tat-tieni wild. Kif għedtulu lil Lydon li ser ikollu ħuh jew oħtu?

Jomike: Lydon kien ilu sena jgħidilna li jrid ħuh jew oħtu. Dejjem waħdu; ma jkollux ma’ min iqatta’ l-ħin. Kont nitħassru jilgħab waħdu. Xħin għednielu, feraħ ħafna. Li kieku jista’, id-due date f’Awwissu, jagħmilha għada. Fil-finali ta’ Malta’s Got Talent eżatt, kelli ferħa doppja għax dakinhar sirt naf li ser nerġa’ nsir missier.

Għandkom xi ħsibijiet ta’ ismijiet?

Jomike: S’issa għadna ma nafux x’ser ikollna u nixtiequ li tibqa’ sorpriża! Niftakarni li fit-tqala ta’ Lydon, it-tabib kien qabad u żvela, imma din id-darba avżajnieh mill-ewwel. Bħala ismijiet jekk tkun tifla għażilna l-isem ta’ Trista, u jekk ikun tifel Jaiden, ħalli jaqbel ma’ Lydon!

Kif qed tħossok Lydon li ser ikollok ma’ min tilgħab?

Lydon: Eċitat ħafna! Irrid li kieku jasal illum!

Tirrakkontalna ftit fuq it-twelid ta’ Lydon?

Jomike: Peress li ma kellniex esperjenza ta’ tfal, mal-inqas uġigħ konna mmorru lejn l-isptar. Fil-fatt f’Lydon dħalna l-isptar fid-9 ta’ filgħodu u twieled fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu tal-ġurnata ta’ wara.

Danica (omm Lydon): Meta twieled, Lydon ma bekiex u għamilna ġimgħa hekk. Konna inkwetati fuq hekk, aktar u aktar meta smajna l-professur jgħidilna li din kienet problema. Talbuna noqogħdu ndejquh sa ma jibki u għalxejn! Wara ġimgħa wriena kif jibki mbagħad!

Imbagħad wara li twieled Lydon, inti ddeċidejt li tieħu l-għana bis-serjetà?

Jomike: Iva, mat-twelid ta’ Lydon bdejt ngħanni fil-ħwienet. Meta Lydon għalaq sena, bdejt narah li diġà qed jinteressa ruħu. Għandi filmati tiegħu jżomm widnejh u lil Danica bdejt ngħidilha li kien ser ikollna għannej. Hi ma tantx bdiet temminni, imma kelli raġun!

Kif bdiet in-namra tal-għana fik?

Jomike: Minn tfuliti ta! Żmien ilu kont naħdem b’tal-linja. Inzertajna konna qegħdin erba’ dilettanti tal-għana, u dħalt f’nofshom u rrispondejthom bl-għana. Niftakar konna l-Belt u konna x-xufiera bejnietna. Qabeż wieħed minnhom u rrispondieni lura u jien weġibtu bl-għana. Minn hemm bdew jagħtuni l-kuraġġ biex immur ngħanni ġo ħwienet. Kienu stednuni għal serata u tellgħuni fuq il-palk biex ngħanni. Tibda tmut bil-mistħija imma rnexxieli!

U inti Danica, togħġbok li Jomike jgħanni?

Danica: Meta ħareġ hu għall-għana, u bdejt nara t-tifel tibda tidħol fiha! Il-makkjetti jogħġbuni ħafna u anke meta kont żgħira kont nieħu pjaċir nisma’ lil John Laus. Fil-familja tiegħi għandi għannejja, imma qatt ma interessajt ruħi daqs issa.

Din l-intervista ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Ġunju. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.

iCam - Matthew Cutajar


Anthony Baldacchino