Corinna Baldacchino hija artista li aċċettat li taqsam magħna ftit ħsibijiet kif ukoll esperjenzi tagħha dwar kif bdiet fid-dinja tal-arti. Nitkellmu wkoll magħha dwar l-interess tagħha fil-kanzuentti u l-lirika li tħobb tikteb. Taqsam ukoll magħna x’parir kien taha nannuha, l-artist frank baldacchino, qabel ma miet.

Corinna, minn fejn bdiet il-ġibda tiegħek lejn l-arti?

Inħoss li l-arti minn dejjem kienet fija, u nemmen li qiegħda fil-familja wkoll, għaliex kemm missieri u kemm ommi għandhom imħabba lejn l-arti u huma wkoll għamlu żmien ipittru. Minn dejjem kelli passjoni għall-arti, għaliex minn meta kont żgħira kont nuri li nħobb inpinġi u kont diġà kreattiva. Niftakar li meta kont żgħira kont nagħmel sigħat twal ħdejn in-nannu tiegħi waqt li kien ikun qed ipitter u kont nosserva x’kien ikun qed jagħmel.

In-nannu, Frank Baldacchino, kien artist magħruf u kien hu li ftit qabel ma miet tani l-parir biex ma nibżax nesprimi lili nnifsi fl-arti. Peress li sa dak iż-żmien kont inpinġi bil-lapes biss, kien hu li beda jgħidli kif għandi nagħmel sabiex nidra nuża l-kuluri fix-xogħol tiegħi. F’dawn l-aħħar snin għaddejt minn żminijiet ibsin u kien permezz tiegħu li ergajt sibt lili nnifsi permezz tal-arti. L-arti sibtha bħala għodda li tgħinni nirrilassa u nkun fil-paċi miegħi nnifsi.

Tiftakar liema kienet l-ewwel pittura tiegħek?

L-ewwel pittura tiegħi li kienet għal qalbi kienet rigal għan-nanna tiegħi. Pinġejt portrait ta’ missier in-nanna tiegħi. Minkejja li kont għadni żgħira, ix-xebh hemm kien u minn hemm kien il-mument li emmint fija nnifsi li kont kapaċi npinġi b’mod tajjeb.

Kif tħoss li l-arti tiegħek żviluppat f’dawn l-aħħar snin?

Matul is-snin kont insegwi arti ta’ diversi artisti, lokali u barranin u bdejt nispira ruħi għax bdejt nesperimenta b’mezzi differenti. Fl-arti wieħed irid jesperimenta sakemm isib l-istil tiegħu. Kultant l-istil tal-arti wkoll ikun qiegħed jirrefletti dak li jkun għaddej minnu l-bniedem.

Kull pittura ċertament li għandha storja. X’jinspirak biex tpinġi?

Meta nkun qiegħda daqsxejn waħdi, fi żmien fejn nista’ naħseb u nirrifletti, nintilef f’dinja għalija u permezz tal-arti nsib lili nnifsi u wara nħossni ferm aħjar. Mhux dejjem faċli biex l-artist jagħmel pittura għax dan jiddependi fuq il-ħin, il-muża u anki minn xiex ikun għaddej il-bniedem.

Liema tħoss li hija l-aktar biċċa xogħol għal qalbek s’issa, u għaliex?

Waħda mill-pitturi l-aktar għal qalbi hija Bormla li bħalissa tinsab esebita ġewwa BOCO Boutique. Din hija l-favorita għax tfakkarni fi tfuliti għax il-lokalità ta’ Bormla ġġibli ħafna nostalġija. Użajt ukoll teknika mhix tas-soltu u kuluri vivaċi b’mod astratt fl-istess ħin.

Taħseb li llum il-ġurnata l-arti hija apprezzata? X’hemm aktar xi jsir biex wieħed jiżviluppa l-arti, it-talent u l-passjoni tiegħu?

Sfortunatament nemmen li hawn Malta mhux kulħadd japprezza l-arti. Bħala għalliema fi skola sekondarja, nemmen li din tista’ tinbidel bil-mod, billi l-istudenti jsiru esposti għall-kultura u għall-arti lokali u internazzjonali sa minn età zgħira biex b’hekk din issir parti minnhom u jkollhom għarfien sħiħ dwar dan. Illum il-ġurnata hawn iktar opportunitajiet għall-artisti biex jesebixxu xogħolhom u jesprimu t-talent tagħhom iżda ninnota li sar ikun hawn iktar wirjiet u xogħol esebit anki f’okkażjonijiet ta’ festi, li huwa tajjeb għaliex dan juri t-talent lokali.

Min huma l-artisti li jinspirawk? U għaliex?

Inħobb insegwi xogħol ta’ artisti Maltin kif ukoll b’mod internazzjonali. F’din il-gżira zgħira tagħna nsibu talent kbir, fosthom David Xuereb li jispirani minħabba l-għodod u l-mezzi differenti li juża sabiex joħloq l-arti tiegħu u jesprimi l-kunċetti tiegħu. Matul is-snin hu esperimenta b’ġibs, ħġieġ kif ukoll ħadid. Rupert Cefai u C.S Lawrence wkoll jaffaxxinani l-istil tagħhom. Ħafna drabi l-arti tagħhom tkun ispirata minn lokalitajiet tipiċi Maltin, perezempju festi, knejjes u bini antik. Fil-fatt dawn laqtuni aktar peress li jien ukoll dan l-aħħar qed inpinġi fuq l-istess temi.

Apparti l-arti, x’inhuma d-delizzji l-oħra tiegħek?

Apparti l-arti, inħobb inkanta u noħloq lirika għal kanzunetti. Ġieli ħriġt diski li nstemgħu fuq xi stazzjonijiet tar-radju u kont nominata biex nieħu sehem fil-Bay Music Awards. Bħalissa qiegħda naħdem biex dan is-sajf noħroġ diska ġdida oħra tiegħi flimkiem bil-filmat mużikali. Apparti l-kant, jogħġobni wkoll il-mudellar.

Għamilt żmien twil fejn kont nimmudella u nieħu sehem f’diversi kompetizzjonijiet, riklami u photoshoots. Illum il-ġurnata naqqast minn dawn l-attivitajiet għaliex qiegħda nħalli iktar ħin għal passatempi oħra bħall-arti. Inħobb nieħu sehem anki f’attivitajiet sportivi u mmur sikwit nittrenja kemm fil-gym u classes u nieħu sehem f’attivitajiet bħal The Grid, li hija kompetizzjoni li saret magħrufa fi gżiritna minħabba l-ostakli u l-ġiri li jkun fiha.

Kif tiddeskrivi lilek innifsek?

Inħossni persuna kreattiva ħafna u dejjem nipprova affarjiet ġodda u tista’ tgħid li m’għandix kwiet f’ġismi għaliex dejjem nara kif se nsib xi passatemp ġdid. Inħobb noqgħod fil- kumpanija ta’ nies li jaħsbuha bħali u nħobb ngħin lil dak li jkun u nipprova nagħmel il-ġurnata ta’ persuna isbaħ. Jiena wkoll persuna avventuruża u nħobb ħafna s-safar. Is-sajf li għadda kienet l-ewwel darba tiegħi barra mill-Ewropa u żgur mhux se tkun tal-aħħar. Ħadt gost wisq bl-esperjenzi sbieħ li għamilt f’din il-vaganza bħal ngħumu fi xmajjar, water rafting, paragliding, mountain climbing, surfing u scuba diving. Il-ħolma tiegħi hija li nkompli ndur id- dinja u jkolli esperjenzi ta’ avventuri ġodda.

X’inhuma l-affarijiet li l-aktar jagħtuk pjaċir, jew li jirrabjawk, fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?

Inħobb ħafna n-natura u l-ħbieb. Meta jkolli bżonn noqgħod waħdi sikwit inħobb immur xi mixja sabiħa fil-kampanja sabiex nirrilassa u nieħu gost. Iżda fl-istess ħin nieħu pjaċir ħafna meta nkun fil-kumpanija tajba ta’ sħabi. Meta nkun imdawra bil-ħbieb li naf li nista’ nafda fuqhom inħossni vera kuntenta. Fl-istess ħin hemm ukoll nies li kapaċi jkissruk. Tgħallimt li kull deni nieħdu b’ġid u meta tiġrili xi ħaġa negattiva minħabba xi nies, irrid inkompli nimxi ’l quddiem u naħseb fit-tajjeb li għandi.

X’inhuma l-ambizzjonijiet tiegħek fil-futur għall-arti tiegħek?

Nixtieq inkompli ntella’ ammont ta’ xogħol sabiex inkun nista’ ntella’ wirja b’xogħli biex l-arti tiegħi tkun tista’ tilħaq aktar nies. Apparti l-arti qiegħda nieħu anke kors tal-fuħħar u forsi ’l quddiem nixtieq nipprova wkoll l-iskultura.

Preżentement fejn jista’ wieħed igawdi x-xogħol tal-arti tiegħek?

Wieħed jista’ jara l-arti tiegħi fuq il-paġna ta’ facebook ‘Cora’s Art’. Għandi xi xogħol li qiegħed jiġi esibit fir-ristorant Noni li qiegħed il-Belt u anki f’BOCO Boutique f’Bormla. Avviċinawni wkoll nies li jaħdmu fuq stazzjon Malti sabiex il-pitturi tiegħi jkunu jidhru f’teledramm Malti li se jintwera dalwaqt. Nieħu pjaċir meta jkun hemm nies li japprezzaw xogħli u li jkunu jridu parti mill-arti tiegħi ġo darhom.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Frederick Zammit