Blake Lively taf kif tħalli lil kulħadd b'ħalqu miftuħ u dan il-mument żgur li ħa jibqa' jissemma' għas-snin li ġejjin. Mhux faċli li tispikka mill-folla fil-Met Gala li ssir ta' kull sena, iżda l-istilla li ġibdet l-attenzjoni ta’ kulħadd fl-avveniment tal-bieraħ filgħaxija kienet Lively grazzi għat-trasformazzjoni drammatika tal-libsa tagħha fuq it-tapit l-aħmar.

It-tema uffiċjali ta' din is-sena, 'In America: An Anthology of Fashion', Lively iddeċidiet li trid timpressjona. Hi kienet waħda mill-preżentaturi tas-serata u għal dan l-avveniment għażlet li taħdem ma' waħda mid-ditti li tħobb taħdem magħhom, Atelier Versace, f'disinn ispirat minn New York City.

Għall-ewwel, rajna lill-istilla titla’ t-taraġ tal-mużew tal-MET b’libsa kulur id-deheb fir-roża. Din kienet ispirata mill-arkitettura kkomplikata ta’ Manhattan u tagħti ġieħ lill-Empire State Building. Iċ-ċoff kbir fuq id-dublett imbagħad inħall biex tikxef kuda twila blu ċar, li d-disinn tagħha kien ispirat mid-dekorazzjoni tal-kostellazzjoni fl-istazzjon Grand Central.

Biddlet ukoll l-ingwanti. Il-kuruna tagħha kien fiha seba’ saffi sabiex tissimbolizza l-Istatwa tal-Libertà, li għandha seba’ raġġi. Impressjonanti tassew. X'taħsbu minn din id-dehra?


Emil Calleja Bayliss