Gianluca Cilia kif ħabbarna aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra kien jinsab ġewwa Londra fuq kors ġewwa l-West End, dan seħħ grazzi għar-rebħa tiegħu fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bil-kanzunetta Ħaġar Qim.

Waqt li kien qiegħed ġewwa Londra, il-kantant Malti Glen Vella, wieħed miż-żewġ għalliema ta’ Gianluca kien mistieden ikanta ġewwa Londra għal fanatiċi tal-Eurovision Song Contest.

Kif Glen irrealizza li Gianluca ħa jkun jinsab Londra fl-istess ġimgħa ta' dan il-kunċert, stieden liċ-ċkejken sabiex ikanta l-kanzunetta li rrapreżenta lil Malta biha fil-Junior Eurovision tal-2017 Dawra Tond.

Gianluca kien l-iżgħar mistieden fuq il-post u ftit tal-mumenti ilu qasam mas-segwaċi tiegħu l-filmat ta’ dan l-avveniment. Aħna għamilna kuntatt ma’ Gianluca u jidher li din kienet ġimgħa tal-ġenn li diffiċli tispejga bil-kliem.

Mhux talli kellu ċ-ċans jitgħallem minn fost l-aqwa nies fl-industrija tat-teatru f’Londra, talli kellu ċ-ċans jagħmel ħbieb ġodda u wkoll ikanta f’dan l-avveniment li jġib l-isem ta’ EuroStarz.

Fost il-kantanti mistiedna kien hemm Krista Siegfrids li rrapreżentat lil Finlandja fl-2013, Axel Hirsoux li rrapreżenta lil Belġju fl-2014, SuRie l-kantanta Ingliża fl-2018, Martin Finch li rrapreżenta lil Polonja fl-2010 u l-Malti Glen Vella.


Emil Calleja Bayliss