Din is-sena ser inkunu qed naraw ir-ritorn ta' Claudia Faniello fix-xena tal-festivals lokali! Wara l-esperjenza tagħha fil-Eurovision Song Contest 2017, Claudia ser tkun qed tikkompeti fil-festival Mużika Mużika f'Marzu. Claudia tkellmet magħna f'intervista esklussiva fost l-oħrajn dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-festival, dwar il-kanzunetta tagħha u s-sinifikat qawwi li hemm fiha.

Claudia irnexxielha tkun parti mill-esperjenza ta’ Mużika Mużika sena ilu hekk kif ħuha Fabrizio kien qed jipparteċipa. Tgħidilna li, “kelli l-opportunità illi indirettament nesperjenza anki l-mod ta’ kif kien għaddej l-andament minn wara l-kwinti.”

Claudia tħoss li dan il-festival kien hemm bżonnu u tarah bħala esperjenza mill-isbaħ għal kull artist biex ikanta mużika oriġinali akkumpanjat mill-orkestra. “S’issa nista’ nixhed li kienet esperjenza sabiħa u ħerqana sabiex nitla’ fuq il-palk u permezz ta’ Ġmielek inkun vuċi għal min m’għandux.”

Il-kantanta kellmitna dwar il-fatt li minkejja ħadet sehem f’diversi konkorsi u festivals, il-kompetizzjoni mhix kollox għaliha. Għaliha l-priorità hi dejjem li tagħti prestazzjoni denja, tkun xi tkun l-okkażjoni.

Onestament, il-festivals ma narahomx bhala kompetizzjoni iżda bhala pjattaforma fejn nista’ nesponi l-imħabba lejn il-mużika u l-palk ukoll.”

hg

Claudia tkellmet magħna wkoll dwar kif taraha li kibret bħala individwu u artista. “Illum nagħżel u narbel iżjed, għandi iżjed libertà biex nesprimi ruħi kif nixtieq mingħajr ma nixxekkel wisq mill-pretenzjonijiet ta’ madwari. Għaldaqstant sirt ingawdi iżjed il-valur ta’ kull esebizzjoni jew diska li nikteb jew inkanta. Inħoss li hemm iżjed minni fil-mużika tiegħi llum.”

Staqsejna lil Claudia dwar dak li wassalha biex tipparteċipa ġo festival bil-lingwa Maltija.“Iż-żmien inbidel, meta bdejt jien l-idea kienet illi biex tagħmilha barra minn xtutna l-lingwa prinċipali u universali kienet l-Ingliż u fil-verità għadha l-lingwa universali.

Iż-żmien jinbidel bħalma jinbidlu l-eżiġenzi u issa ninsab hawn, lesta biex ninterpreta diska bil-lingwa Maltija li tant għandi għal qalbi fuq livell personali.”

ty

Ma’ Claudia tkellimna wkoll dwar il-mużika u l-preżenza qawwija tagħha fil-familja Faniello. “Ix-xorti li għandi jien ftit nies jafu xi tfisser, li jkollok familja mużikali hija ferm speċjali u għalkemm kollha għandna stili distinti, nifhmu li l-perkors tagħna mhux neċessarjament l-istess."

"Għaldaqstant nifhmu lil xulxin f’dik li hija mħabba lejn il-mużika u li nagħzlu li nagħmlu biha.” X’inhu l-messaġġ li Claudia tixtieq tgħaddi bil-kanzunetta Ġmielek?

“Madwarna għandna nies ifuru bit-talent u bl-għerf imma minħabba mitt ħaġa li s-soċjetà imponiet bħala barrieri ma jirnexxilhiex tara s-sabiħ fih u aħna lkoll ma ngawdux mill-ġmiel li joffri kulħadd.”

“Il-bniedem mhux sabiħ minn barra biss. Id-dinja mgħaġġla u kosmetika m’għandhiex ħin tħares lejn il-ġmiel intern ta’ kull bniedem, u għalhekk twarrab lil min mhux ‘bħall-oħrajn’.

B’hekk jinħolqu l-preġudizzji u indifferenzi fuq diżabilità, fuq min jiffaċċja sfidi ta’ saħħa mentali u barrieri oħra li nagħżlu li npoġġu bejnu u bejn il-bqija, li jikkundannaw lill-bniedem li jħossu mhux milqugħ.

Però l-akbar sentiment fi Ġmielek hija t-tama. B’għajnejn bla preġudizzji nistgħu naraw il-ġmiel f’xulxin, kollha kemm aħna... biha nixtieq nagħti leħen lil min m’għandux.”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta. 


Kyle Zarb