F’dan l-istaġun tal-festi, l-istorja klassika ta’ The Little Mermaid se ssib darha fit-Teatru Manoel, f’pantomima ġdida ta’ FM Theatre Productions. Jidher li għandna nistennew xalata mill-aqwa minn kull aspett. Sena wara sena, FM Theatre jissorprendu l-udjenzi li jattendu l-pantomima.

"Waħda mill-aħjar pantos li żejnet il-palk tal-Manoel f’dan l-aħħar żmien", hekk sejħulha l-kritiċi li s-sena l-oħra kellhom iċ-ċans jaraw il-pantomima Sleeping Beauty mill-istess kumpanija. "Waħda mill-aħjar pantos li żejnet il-palk tal-Manoel f’dan l-aħħar żmien", oħrajn stqarrew. ĊErti li din is-sena qed iħejju xi għal xi ħaġa aħjar!

F’The Little Mermaid: A Panto Under The Sea, se niltaqgħu mas-sirena fuq tagħha Ariel, bint ir-Re Triton, li tħobb tikser ir-regoli billi żżur wiċċ il-baħar mal-ħabiba tagħha Doreen, ħuta barra mill-ilma li tinsa ħafna filwaqt li ġġennen lil kulħadd, fosthom lin-nanny ta’ Ariel, id-Dama Bormaljotta.

Sadanittant, il-Prinċep Rubinu għaddej ifittex lil missieru r-Re Barbakannella, li għeb żmien twil ilu, u s-saħħara kattiva tal-baħar Ursoola Minnofs qed tippjana kif se taħtaf taħt idejha s-saltna ta’ taħt il-baħar bl-għajnuna taż-żewġ qaddejja fidili tagħha, Morina u Skorfina.

“Tgħid is-saħħara kattiva tal-baħar se jirnexxilha tieħu s-saltna ta’ taħt il-baħar taħt idejha? Tgħid Ariel se taqta’ xewqitha? Id-Dama se jirnexxilha takkwista raġel? Tgħid Triton se jirnexxilu jġiegħel lil bintu tobdih, u Rubinu se jsibu lil missieru? Hemm ħajja fuq il-pjaneta Mars? Hemm ħajja fil-gżejjer Maltin?

Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jitwieġbu biss fit-Teatru Manoel meta tiġi tara l-pantomima ta’ FM Theatre ta’ din is-sena!” qal l-attur u l-produttur Edward Mercieca, ta’ FM Theatre. F’dan l-istaġun tal-festi, il-pantomima The Little Mermaid mistennija żżomm il-momentum tal-kumpanija b’settijiet, kostumi, mużika, żfin, effetti speċjali u maġija tat-teatru li ma jintesewx kif ġieb u laħaq.

Dan kollu se jkun qed jingħata l-ħajja minn kast stellari mmexxi minn Edward Mercieca bħala d-dama awwista, Bormaljotta, u Katherine Brown bħala s-saħħara tal-baħar, il-qarnita Ursoola Minnofs. Ma’ dawn se jingħaqdu ismijiet oħra magħrufa, fosthom Chiara Hyzler bħala Doreen, Nikki Cassar bħala Ariel, Tezara Saliba bħala l-Prinċep Rubinu, Karen Decelis bħala Fairy LE.

Insibu wkoll lil Antonella Mifsud u Maria Cassar bħala ż-żewġ Salluriet biċċa waħda mas-saħħara, Renato Dimech bħala l-Kaptan Barbuljatu, Joe Depasquale bħala r-Re Triton u Adriel Camilleri bħala l-Bosun Ċikku Flieles, kif ukoll kor ta’ kreaturi tal-baħar, pirati zombies, baħrin, u bosta biċċiet ta’ imbarazz mormi jew jgħum f’wiċċ l-ilma. Dan il-kast impressjonanti se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Chris Gatt, bid-direzzjoni mużikali f’idejn Kris Spiteri, koreografija ta’ Luisa Fenech Conti u taħriġ tal-vuċi minn Analise Cassar.

Il-produzzjoni ta’ FM Theatre The Little Mermaid – A Panto Under The Sea se tittella’ fuq il-palk tat-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, b’wirjiet fit-22, 23, 26, 27, 28, 29 u 30 ta’ Diċembru 2019 fit-8pm u fit-2, 3 u 4 ta’ Jannar 2020 fit-8pm. Se jkun hemm ukoll wirjiet matinee fit-3pm nhar it-22, 26, 27, 28, 29 u 30 ta’ Diċembru 2019, u fit-2, 3, 4 u 5 ta’ Jannar 2020.

Dettalji dwar il-booking u aktar informazzjoni jinkisbu online fuq www.teatrumanoel.com.mt, permezz ta’ email fuq [email protected], jew inkella billi wieħed iċempel fuq T: 2124 6389. Titlifx iċ-ċans li tkun parti minn avventura Taħt il-Baħar, dan il-Milied fit-Teatru Manoel!


Emil Calleja Bayliss