Izzy, li għandha 11-il sena u Easton, li għandu 14-il sena huma ħbieb kbar, tant li jgħidu li qishom aħwa. Barra li huma ħbieb, ilhom ħames snin jiżfnu flimkien. It-tnejn li huma għandhom imħabba kbira għaż-żfin u l-wirja tagħhom tixhed dan!

Jgħidu li biex tellgħu din il-wirja għal America’s Got Talent irrikjediet ħafna prattika. Naturalment kienu eċitati ħafna qabel ma telgħu fuq il-palk għax qalu li kienet se tkun l-akbar wirja li se jagħtu. Il-kanzunetta li żifnu hija dwar suldat li jkun sejjer għall-gwerra u oħtu ż-żgħira ma tkunx tridu jħalliha warajh.

Bla dubju, il-messaġġ li riedet twassal din iż-żifna b’stil kontemporanju wasal ferm b’saħħtu. Il-mossi b’saħħithom, f’waqthom u anke avventurużi għamlu l-wirja eċċezzjonali! Apparti hekk, tajjeb niftakru li dawn iż-żewġt itfal għandhom biss 11 u 14-il sena! Inkedribbli, x’talent!

Wara din il-wirja, l-erba’ ġurija ta’ America’s Got Talent qamu lkoll bilwieqfa jċapċu! Mhux talli hekk, talli s-sala kollha qamet iċċapċap ukoll! Gwida.mt tawgura lil din il-koppja b’talent hekk kbir biex tavvanza aktar ’il quddiem f’din il-kompetizzjoni u anke għal aktar suċċessi fil-futur!

Facebook /Izzy and Easton


Yasmin Camilleri