Anabel, omm Maltija li hi parti mill-komunità ta’ dawk neqsin mis-smigħ qed titkellem dwar l-isfidi li hi u persuni torox oħra qed jaffaċċjaw, hekk kif l-ilbies tal-maskra sar obbligatorju fil-gżejjer Maltin. Minkejja l-isfidi u l-fatt li ma tistax taqra x-xufftejn aktar, hi tappella li huwa importanti li tilbes maskra.

Anabel tibda billi tgħid li l-ilbies tal-maskra huwa “sfida ewlenija għall-komunità nieqsa mis-smigħ, billi b’dan il-mod ma nistgħux naqraw il-kliem mix-xufftejn, u l-komunikazzjoni u l-interazzjoni umana saret impossibbli.

“Għandna tifla medikament vulnerabbli, u huwa ferm iktar importanti għalija li hi protetta, milli tkun parti mill-konversazzjonijiet… Li titħalla barra mill-konversazzjonijiet kien diġà parti minn ħajti qabel il-maskri, allura tista’ timmaġina kemm hu iktar diffiċli issa li kulħadd liebes maskra? Imma issa qed inħossni wkoll iktar komda meta noħroġ barra. Binti hija iktar sigura, u anke ħafna nies vulnerabbli oħra,” taqsam Anabel.

“Meta jkolli bżonn nifhem dak li qed jgħid xi ħadd, immur lura għal distanza ta’ sigurtà u nitlob lill-kelliem ineħħi l-maskra għal ftit waqt li nitkellem, waqt li nżomm tiegħi. Sinjali, ġesti, nipponta u l-kitba jgħinu ħafna wkoll.

Anabel spiċċat billi tenniet: “Jekk jogħġbok ilbes maskra. Jekk tobgħodha, bħala persuna nieqsa mis-smigħ nista’ nagħtik mitt raġuni oħra valida għaliex jien nobgħodha iktar. Jekk ma tibżax minn din il-pandemija, għallinqas jekk jogħġbok aħseb dwar dawk vulnerabbli.”

Facebook/A Silent World


Nicole Barbara