Ma naħsibx li jekk tinżel fil-baħar biex tifriska ftit ħa tieħu gost bi skoss plastik idur miegħek f'wiċċ il-baħar, jew inkella waqt li tkun miexi fuq il-bajja tħoss xi flixkun jitfarrak taħt saqajk. Din realtà li niltaqgħu magħha imma żgur ma niltaqgħux magħha daqs l-organiżmi li jgħixu fil-baħar.

150 miljun tunnellata ta' plastik - dik hi l-istima tal-plastik li jinsab fl-ibħra tagħna! Imissna nistħu! Sitwazzjoni li barra li hi ta' inkonvinjent kbir, hi sitwazzjoni ta' theddida reali għall-ħajja fl-ibħra. Minħabba dan l-iskart, il-ħajja fil-baħar qed issoffri minn ġuħ, tgħaqqid f'tagħmir tas-sajd li jispiċċa mormi, espożizzjoni għall-kimiċi tossiċi li joħroġu mill-iskart stess u t-trasport ta' speċi aljeni u mikrobi minn post għall-ieħor permezz tal-iskart tal-plastik. 

Dan kollu jħalli riżultat negattiv fuq l-ekonomija u s-saħħa tagħna stess barra li jaffettwa wkoll lit-turiżmu u s-sajd. Forsi ftit tgħaddilhom minn moħħhom li l-plastik idum snin biex jiddikomponi. Riċerka turi li maż-żmien, il-plastik jinkiser u jitmermer f’biċċiet żgħar li jissejħu mikroplastiċi. Il-periklu tagħhom huwa li dawn huma tossiċi u jagħmlu ħsara lill-ħut għax jaħsbuhom ikel.

Mhux ċajta li 85% tal-iskart fil-baħar huwa plastik! L-Unjoni Ewropea qed tikkonferma dan u ngħiduha kif inhi, is-sitwazzjoni preżenti li l-prodotti tal-plastik jintużaw darba biss mhux qed tgħin. Infatti, nofs dan il-plastik huwa użat darba biss. Ir-rapport juri wkoll l-ewwel għaxar oġġetti ta' skart li jinsabu fuq il-bajjiet Ewropej u fost l-aktar prodotti komuni nsibu fliexken tax-xorb, tappijiet, għotjien u loqom tas-sigaretti! Iva, għax dawk fihom il-plastik ukoll!

L-oġġetti l-oħra jinkludu l-pakketti tal-ikel u ħelu, prodotti sanitarji, basktijiet tal-plastik, pożati, tazzi tax-xorb u l-għotjien tagħhom, bżieżaq u kontenituri tal-ikel. Vera jmissna nistħu! Forsi fi żmien li ġej inqumu mir-raqda u nindunaw li t-tnaqqis tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss ssir prijorità ambjentali għal pajjiżna. Mis-sena 2022, numru ta' prodotti ħa jiġu pprojbiti u nittamaw li jitaffa l-impatt negattiv fuq l-ibħra u l-ħajja ta' ġo fihom.

Aħna x'nistgħu nagħmlu biex ngħinu?

  1. Uża kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-ikel u x-xorb, kemm meta tħejji l-ikel u kif ukoll meta tmur tixtri mill-ħwienet.
  2. Evita oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u oġġetti b'ippakkeġġjar eċċessiv jew bla bżonn. 
  3. Staqsi għall-prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw, bħal ma huma straws tal-metall jew basktijiet tad-drapp minflok dawk tal-plastik.
  4. Armi sewwa l-oġġetti kollha, inkluż l-loqom tas-sigaretti. Tista’ tagħmel dan billi tuża portable pocket ash-tray.
  5. Ġorr basktijiet tal-iskart miegħek (inklużi dawk għall-iskart riċiklabbli) meta tkun qed tiċċelebra t-tradizzjoni mal-familja tal-BBQ ħdejn il-baħar. Evita r-rimi tal-iskart fuq il-bajja akkost ta’ kollox! U waqt li qegħdin fiha, għaliex ma tużax ukoll il-boroż tal-iskart organiku għall-ikel li jifdal!

Tibdil żgħir kulma rridu nattwaw u nkunu bdejna ngħinu. Għal pariri prattiċi u informazzjoni dwar inizjattivi ambjentali relatati mal-baħar, segwi l-Kampanja Saving Our Blue fuq Facebook u Instagram. Inħeġġuk tingħaqad f'xi kampanja jew oħra ta' clean-ups li jsiru f'diversi bajjiet tul il-ġimgħa.

Il-Kampanja Saving Our Blue hija inizjattiva mnedija mill-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, bil-għan li tipprevjeni l-impatti negattivi tal-iskart u l-konsum tal-plastik li jituża darba biss fuq l-ambjent, il-kosta u l-baħar. Kun is-soluzzjoni u mhux il-problema!


Emil Calleja Bayliss