Il-finali tal-Eurovision Song Contest 2025 li se jsir f’Basel, l-Isvizzera tinsab xahar 'il bogħod, filwaqt li s-semifinali se jsiru fit-13 u s-15 ta’ Mejju. Il-ħeġġa fost il-partitarji qed tiżdied hekk kif il-favoriti jibdew jidhru ċari.
Skont l-aħħar odds mid-djar tal-imħatri (il-bookmakers), l-ewwel post bħalissa jokkupawh l-Isvezja b'29% ċans ta' rebħ bil-grupp KAJ u l-kanzunetta tagħhom Bada Bara Bastu, l-Awstrija rappreżentata minn JJ bil-kanzunetta Wasted Love, b’probabbiltà ta’ 19% li jirbaħ il-kompetizzjoni. Franza, rappreżentata mill-kantanta Louane b’ballad emozzjonali ddedikata lil ommha li mietet, tinsab fit-tielet post b’probabbiltà ta’ 10%.
L-Iżrael issegwi b'6% u l-Olanda fil-ħames post b'5%. Il-Finlandja għandhom 4% ċans u jinsabu fis-sitt post. Skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, Malta għandha 1% ċans biex tirbaħ il-Eurovision 2025, li jpoġġiha fit-12-il post fost il-pajjiżi fil-kompetizzjoni.
Hekk kif il-Eurovision 2025 joqrob, il-kompetizzjoni qed tidher aktar intensa, b’diversi pajjiżi juru prestazzjonijiet b’saħħithom. Malta, minkejja l-kontroversji, għadha fost dawk l-aktar imsemmija, u l-partitarji qed jistennew b’ħerqa biex jaraw l-ewwel provi f’Basel. L-ewwel provi ġeneralment jagħtu indikazzjoni tajba ta' x'riżultati għandna nistennew din is-sena!