Roberta Bajada,awtriċi popolari għall-kotba taż-żgħażagħ li hija omm kif ukoll għalliema tgħidilna dwar l-isfidi li bħalissa qed issib minħabba s-sitwazzjoni kurrenti.

“Naħseb waħda mill-akbar sfidi li jkollhom jaffaċċjaw ħafna ġenituri matul iċ-cirkostanzi preżenti hija r-realtà tax-xogħol mid-dar fl-istess ħin li qiegħed isir it-tagħlim tal-ulied online. Huwa veru li qiegħed jintrebaħ ħin is-soltu mitluf fuq vjaġġar minn post għal ieħor; madankollu, ħafna drabi dan il-ħin qiegħed jissarraf f’tul ta’ sigħat imqatta’ litteralment quddiem skrin ta’ laptop. Apparti dan, billi tħassru wkoll l-attivitajiet li ħafna tfal jiffrekwentaw sabiex jiżvogaw l-enerġija tagħhom, ħafna ġenituri jridu jkunu kreattivi biżżejjed biex jokkupaw ‘l uliedhom għal tul ta’ ħin speċjalment meta l-ħruġ ma jkunx possibbli.Għalija li jien ukoll għalliema, qed nipprova naħrab kemm nista’ l-periklu li nispiċċa l-ħin kollu mwaħħla mas-siġġu, b’detriment għal saħħti. Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira tal-kitbiet tiegħi qed ikollhom jibdew jitqassmu f’segmenti qosra bejn ħaġa u oħra biex kemm jista’ jkun ma nqattax ħin bilqiegħda aktar milli hu suppost. Il-'ħin għall-kitba tiegħi' kif jien imdorrija bih ukoll kellu jieqaf minħabba li kulħadd qed ikun id-dar fil-ħin li s-soltu nkun waħdi naħdem għall-kwiet."

Roberta tgħidilna wkoll li fejn tidħol kitba dejjem tara kif tibqa’ għaddejja u tipprova metodi ġodda. Meta tibda tbattilha l-konċentrazzjoni ddur għall-qari għaliex tqisu wkoll bħala parti importanti mill-proċess tal-kitba. “Għalija huwa sinonimu ma’ refresh button biex iġġedded l-ispirazzjoni u l-ħeġġa għall-produttività. “

Roberta tiżvela wkoll li dan l-aħħar qed tieħu gost tesperimenta bil-ġeneru ta’ stejjer qosra u tibgħathom f’diversi rivisti differenti. “Dawn iservu bħala pawża minn proġetti li jitolbu impenn aktar dejjiemi, u jinkludu taħlita ta’ stejjer għal udjenzi żgħar kif ukoll għal qarrejja aktar maturi.

Meta lil Roberta staqsejnieha dwar liem huwa l-aktar ktieb għal qalbha r-risposta kienet din,”Kull ktieb li ppubblikajt għandu sinjifikat speċjali għalija- kull wieħed minnhom għandu storja marbuta miegħu li tirrappreżenta stadji differenti fil-ħajja tiegħi u fil-vjaġġ tiegħi bħala awtriċi. Nammetti li għandi daqsxejn soft spot għal Arloġġ u Tila sempliċiment għax tani l-opportunità li noħloq kast ta’ karattri verament għal qalbi, u barra minn hekk, l-istorja tal-arloġġ għadha ma ġietx konkluża, jiġifieri l-avventura ta’ Ponsjetta u sħabha għadha tberren ġo moħħi ta’ kuljum. “

Grazzi mingħandna Gwida.mt lil Roberta tal-ħin li ddedikat għalina sabiex tirrispondi l-mistoqsijiet li kellna għaliha.

 z

Facebook / Roberta Bajada


Rowena Calleja