Aktar kmieni llum ħabbarna li l-Hooli ħa jiġi mogħti r-Rikonoxximent – L-Għanja Li Tibqa’ fil-festival l-Għanja Tal-Poplu, f’dan l-istess festival ħa jiġi rikonoxxut ukoll il-kantant Mike Spiteri, li ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni ġewwa pajjiżna.

Barra li rrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest tal-1995 bil-kanzunetta Keep Me In mind, Mike għandu sensiela ta’ kanzunetti bil-Malti li jibqgħu popolari mal-Maltin u l-Għawdxin. Kanzunetti li jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom jibqgħu relevanti.

Fost l-aktar żewġ kanzunetti popolari ta’ Mike insibu Fejn Tħobb Il-Qalb u Fjura Fil-Kantina, iżda wieħed ma jistax ma jsemmix kanzunetti bħal Kompjuter, Issa, Bħalek Ma Nsibx, Stenbaħt F’Nofs Ħolma, Wasal Iż-Żmien, B’Rieda Tal-Azzar, Tinsiex, Paceville, Aħseb Ftit, Maratona u Grazzi Mil-Qalb fost oħrajn.

Il-festival l-Għanja Tal-Poplu ħa jitella’ fil-31 t’Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra u biljetti jinsabu għall-bejgħ minn kultura.mt. 16-il kanzunetta ħa jkunu qed jikkompetu biex jirbħu t-titlu ta’ din is-sena u Mike ħa jkunu fost il-mistiedna speċjali tal-festival ta’ din is-sena.

Facebook / Mark Soler - msphotography


Emil Calleja Bayliss