Wara s-suċċess tal-edizzjoni inawgurali li saret is-sena l-oħra, l-Easter Egg Hunt tirritorna għal darb’oħra fil-villaġġi tal-artiġjanat ġewwa Ta’ Qali u Ta’ Dbieġi f’Għawdex matul il-vaganzi tal-Għid!
Ħu sehem fl-Easter Egg Hunt organizzata mill-Malta Crafts Foundation, u idħol fiċ-ċans li tirbaħ wieħed minn żewġ settijiet ta’ vawċers b’valur ta’ €100 kull wieħed li jissarrfu mingħand l-artiġjana li qed jieħdu sehem fiż-żewġ villaġġi tal-artiġjanat.
Kull ma trid tagħmel biex tipparteċipa huwa li tmur tesplora dawn il-villaġġi u tfittex il-bajd tal-Għid li l-artiġjana ħbew fil-ħwienet tagħhom, tieħu ritratt ta’ kull waħda li ssib, u ttella’ r-ritratt fuq il-formola diġitali – hemm waħda għall-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Qali , u formola oħra għall-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Dbieġi.

Tista’ tagħraf l-artiġjana li qed jieħdu sehem permezz ta’ posters imwaħħla mad-daħla tal-ħwienet tagħhom. Fuq dawn il-posters issib ukoll QR code li jieħdok f’dawn il-formoli diġitali biex tipparteċipa.
Uħud mill-artiġjana saħansitra ħolqu din il-bajda bis-sengħa artiġjanali tagħhom, b’numru żgħir jagħmlu iktar minn waħda sabiex jagħmlulkom il-ħajja iktar faċli u – għaliex le – tkunu tistgħu anki tixtru waħda minnhom sabiex iżżejnu d-dar tagħkom f’dawn il-festi.
Min isib l-iktar bajd tal-Għid f’kull villaġġ jidħol biċ-ċans li jirbaħ wieħed mis-settijiet ta’ vawċers li jissarrfu mingħand l-artiġjana li qed jieħdu sehem f’din l-Easter Egg Hunt stess – jiġifieri waqt li qed tfittex il-bajd tal-Għid żomm għajnejk miftuħa għall-prodotti sbieħ madwar il-ħwienet!
L-Easter Egg Hunt se ssir matul il-vaganzi tal-Għid, bejn is-Sibt 19 u s-Sibt 26 t’April (minbarra nhar l-Għid, il-Ħadd 20 t’April), fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-artiġjana (li jvarjaw minn ħanut għall-ieħor, iżda l-parti kbira tagħhom ikunu miftuħin bejn l-10:00 u t-15:00).