Minkejja li ħlasijiet bil-cards u metodi diġitali qed jiżdiedu f’Malta, il-flus kontanti għadhom il-favoriti għall-ħlasijiet ta’ kuljum bħall-ikel, speċjalment fost nies akbar fl-età. Dan joħroġ minn studju ġdid tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, li seħħ wara li saru intervisti ma’ 1,416 persuna.

Għall-ħwienet tal-grocer, 39.5% għadhom jippreferu l-flus kontanti, għalkemm 34.2% issa saru jużaw id-debit cards – qabża kbira meta tqabbel mal-2020, meta 86% kienu għadhom jużaw biss flus kontanti.

F’kategoriji oħra bħall-ħwejjeġ u l-kotba, il-cards issa qed jintużaw aktar mill-flus kontanti. Ħlasijiet għal servizzi bħal hairdressers u gyms għadhom isiru bi flus kontanti (61%), iżda t-teknoloġija l-ġdida bħal mobile POS tista’ tħaffef it-tranżizzjoni għal ħlasijiet bil-cards.

Anke f’ħlasijiet bejn individwi, il-kontanti għadhom fuq quddiem b'56.8% għalkemm 36.5% issa saru jużaw mobile payments. L-istudju juri wkoll li hemm differenza fl-età: persuni iżgħar għandhom aktar fiduċja fil-ħlasijiet diġitali, minkejja li huma wkoll dawk l-aktar affettwati minn frodi online. In-nies iżjed kbar fl-età huma inqas konxji mit-teknoloġija u ħafna minnhom qatt ma użaw servizzi bħal Revolut.

B’mod ġenerali, 74.4% għandhom aċċess għal debit card, 58.6% għal mobile banking, u huma biss 4.9% li ma għandhom l-ebda alternattiva għall-kontanti. Int x'tippreferi?


Emil Calleja Bayliss