Fuq il-paġna popolari The People of Malta, koppja li waslet biex tiċċelebra 34 sena miżżewġin qasmet rakkont sempliċi iżda mimli mħabba u għaqal. “Il-ħin ta' kwalità bejn il-koppja huwa importanti. It-tfal issa kibru u qed ikollna ħafna iktar ħin għal xulxin.”

Għalihom, iż-żmien għaddej iżda l-valuri jibqgħu: “Se nagħlqu 34 sena miżżewġin, u xorta nħossu li għadu ż-żmien li nżommu id xulxin.”

Il-mara tiftakar b’sens ta’ sodisfazzjon il-ħajja ddedikata għall-familja. “Biex inrabbi lil uliedi, bqajt id-dar, u ma jiddispjaċinix. Għamilt ħafna sagrifiċċji għalihom.” U wara snin twal bħala omm full-time, ġiet ukoll il-bidla: “Malli t-tifla ż-żgħira ġabet il-liċenzja, sibt id-dar ruħi waħdi... u ddeċidejt li noħroġ naħdem.”

Illum, wara sena u erba’ xhur fil-post tax-xogħol, tgħid li tħossha kuntenta. Bħala ġenituri li taw kollox lil uliedhom, jittamaw li meta jasal iż-żmien, jirċievu l-istess kura u mħabba lura:
“It-tfal issa indipendenti, qatt ma nqasniehom minn xejn, issa nittamaw li meta jasal iż-żmien li nfittxuhom aħna, insibuhom ukoll.”

Storja li tfakkarna fis-sbuħija tas-sagrifiċċju u s-saħħa ta’ relazzjoni mibnija fuq l-imħabba u r-rispett reċiproku tul is-snin.


Emil Calleja Bayliss