Qatt għaddielek minn moħħok xi jkun ix-xogħol ta’ saċerdot, speċjalment f’pajjiż missjunarji? Saċerdot ġdid fl-Indja u fl-Afrika jkun involut f’xogħlijiet differenti. 

 Attivitajiet Spiritwali

Fid-djoċesi fejn iqaddsu l-quddiesa ta’ kuljum, jinvolvu liż-żgħażagħ fl-animazzjoni, iżuru l-familji, imexxu servizzi liturġiċi, u jgħallmu l-katekiżmu u studju tal-Bibbja kull nhar ta’ Ħadd filgħodu.

 Għajnuna Lit-Tfal

Barra minn attivitajiet spiritwali, is-saċerdoti ġodda jagħtu kull filgħaxija lezzjonijiet lit-tfal biex itejbu l-istudji tagħhom, speċjalment fl-Ingliż, kif ukoll taħriġ lil dawk interessati fl-arti u fit-teatru. Id-djoċesi tgħin finanzjarjament, speċjalment lit-tfal anqas privileġġati ħalli jkollhom opportunità għal dawn il-lezzjonijiet.

Programmi Kulturali

Is-saċerdot jifforma gruppi ta’ żgħażagħ interessati fil-mużika, żfin u teatru. Dawn huma mezz ta’ evanġelizzazzjoni; huwa għalhekk li ż-żgħażagħ flimkien mas-saċerdot iżuru diversi rħula fejn jevanġelizzaw bil-mużika, kant u żfin.

Evanġelizzazzjoni Fil-Ħabsijiet

Is-saċerdot ġdid jagħmel ukoll xogħol spiritwali fil-ħabsijiet ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Barra l-mumenti spiritwali li joffru sapport morali lill-priġunieri, iqatta’ wkoll ħin magħhom fejn jiġu organizzati logħob u kant spiritwali.

 Dipartimenti Tal-Gvern.

F’kull dipartiment tal-gvern, li jinkludu fost l-oħrajn il-kummissjoni Kattolika għall-ġustizzja u l paċi, il-kummissjoni Kattolika għas-saħħa u dik tal-edukazzjoni, issib saċerdot li jaħdem bis-sħiħ billi jaqsam riżorsi, informazzjoni u t-talenti tiegħu biex juri lill-kummissjonijiet kif joħolqu proġetti utili fid-djoċesi.

Kif qed naraw is-saċerdot mhux biss qiegħed jesegwixxi l-valuri spirtitwali man-nies tad-djoċesi, imma wkoll jgħin biex itejbilhom ħajjithom. F’dan il-kuntest, finanzjarjament is-saċerdot ikollu bżonn l-għajnuna biex il-proġetti fil-komunità jsiru realtà. Il-ħajja saċerdotali f’pajjiżi missjunarji hija vasta u għalhekk nitolbu biex ikollna aktar seminaristi li joffru ħajjithom għal din il-vokazzjoni.

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil dawn is-saċerdoti ġodda mxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lis-seminaristi jkomplu jistudjaw biex eventwalment jilħqu saċerdoti. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt