Missio Malta flimkien ma’ diversi entitajiet lokali qed jikkollaboraw bil-għan li jinbnew tmien klassijiet ġodda fis-Seminarju San Tumas t’Aquino f’Arusha fit-Tanżanija. Dawn il-klassijiet se jkunu qed jilqgħu fihom studenti minn komunitajiet fil-bżonn sabiex jirċievu edukazzjoni xierqa u hekk ikollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet tagħhom b’tama ta’ futur aħjar.
L-edukazzjoni tibqa’ pilastru ċentrali għall-iżvilupp tal-persuni u għalhekk Missio Malta huwa sodisfatt li permezz tal-għajnuna minn diversi entitajiet jista’ jwettaq dan il-proġett ta’ bżonn urġenti minn fost ħafna oħrajn li għad iridu jiġu mwettqa jekk kemm-il darba jinstabu benefatturi li lesti jgħinu. B’sodisfazzjon ninnutaw kif dan il-proġett issa jista’ jidħol fil-fażi li jmiss, li hija t-tkomplija tal-bini ta’ dawn it-tmien klassijiet. In-nies tal-lokal kienu diġà bdew jibnu dawn il-klassijiet, imma minkejja l-isforzi kollha tagħhom ma waslux biex jiffinanzjawhom għal kollox.

Il-klassijiet issa se jippermettu li l-istudenti ma jibqgħux jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fi klassijiet imħallta b’etajiet differenti u b’hekk it-tfal se jkunu jistgħu jgawdu minn livell ta’ edukazzjoni aqwa.
Fil-fatt hekk kien ġara fid-Djoċesi ta’ Dedza fil-Malawi, meta kien nħass il-bżonn urġenti ta’ ambulanza għal 46,280 ruħ sabiex:
- il-morda jiġu trasferiti minn u lejn l-isptar,
- titwassal il-mediċina minn post għall-ieħor,
- bħala karozza tal-mejtin għal dawk li jmutu fi djarhom.
Missio Malta flimkien ma’ Missio Awstrija ikkofinanzjaw din l-ambulanza.
“In-nuqqas ta’ ambulanza kien qed jikkontribwixxi għal żieda ta’ mwiet fost l-ommijiet u t-trabi tagħhom. Ninsabu kuntenti li bil-preżenza ta’ ambulanza fiż-żona tagħna ħafna ħajjiet se jkunu salvati,” Rev. Dun Alfred Genesis Kalumbi.
Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil din il-komunità u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex isib sponsers Maltin u Għawdxin li lesti jgħinu lill-komunitjiet simili t’hawn fuq ikollhom opportunità xieraq, fejn minbarra ilma nadif għax-xorb, jirċievu wkoll edukazzjoni, ikel u mediċina. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.