F’tournament prestiġjuż imwaqqaf taħt ir-regoli tal-Olimpjadi fi Trieste gewwa l-Italja, Jake Gomez Blanco, Logan Galea, u Kayzen Mifsud, tliet atleti Maltin mill-kamp tal-boxing. għamlu unur lil Malta.

Dan meta fl-aħħar tal-ġimgħa, nhar is-Sibt 13 ta’ April, ikkompetew fl-istess tournament u kisbu riżultati tajbin b’żewġ rebħiet u telfa bil-punti.

Taħt il-gwida tal-Malta Boxing Federation (MBF) u s-superviżjoni ta’ Master Noel Mercieca kif ukoll l-assistent kowċ James Busuttil, it-tliet boxers Maltin minn żewġ klabbs lokali, Team Noel u Fight Factory, kisbu dan is-suċċess enormi fuq livell personali, għall-klabbs rispettivi tagħhom, kif ukoll għal pajjiżna.

Jake Gomez Blanco minn Team Noel ta wirja impressjonanti b’Knock Out fl-ewwel round, fejn għeleb lill-avversarju tiegħu fi ġlieda ta’ tliet rounds.

Intant Logan Galea student ieħor mill-klabb Team Noel, tilef bil-punti wara ġlieda bilanċjata ta’ tliet rounds kontra l-ġellied Taljan, b’aktar esperjenza fir-ring.

Boxing 1

Fl-aħħar, Kayzen Mifsud, mill-klabb Fight Factory u mmexxi mill-boxer rinomat Steve Martins, b’wirja mill-isbaħ irnexxielu wkoll jegħleb lill-avversarju tiegħu b’Knock Out fl-ewwel round minn tlieta.

Iktar kummenti sbieħ u ta’ sodisfazzjon minn Master Noel Mercieca lejn it-tliet atleti tal-boxing bil-kisbiet li għamlu u l-prestazzjoni li esebixxew.

Kompla billi rringrazzja lil Malta Boxing Federation talli tat din l-opportunità li ppermettiet lil dawn il-boxers jikkompetu f’tournament tant prestiġjuż li jiġi organizzat darba biss fis-sena u jikkonsisti f’għaxar ġlidiet.

Prosit kbira lill-atleti Maltin għal dan is-suċċess!


Gwida.mt