Bħalissa huwa żmien importanti għal dawk kollha li jiċelebraw il-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat Għawdex hekk kif qed jiċċelebraw għeluq it-68 sena minn meta din il-vara tant għall-qalb bosta Rabtin ingħatat bħala donazzjoni lill-katidral ta’ Għawdex.

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Soċjetà Filarmonika Leone A.D. 1863 qalu, “68 sena ta’ mħabba. Infakkru llum il-ġest mimli mħabba tal-Kumitat Ċentrali tal-1956 tas-Soċjetà Filarmonika Leone, fejn l-għotja tal-ikbar ġawhra tas-Soċjetà lill-Knisja Katidrali u Matriċi tad-Djoċesi Għawdxija, għaqqdet b'ħolqa tad-deheb lill-Katidral mal-istess Soċjetà.”

Żiedu jgħidu, “Din l-għaqda raddet frott liema bħalu hekk kif tkattret iktar minn qatt qabel id-devozzjoni lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema, fejn kull 15 t' Awwissu, il-Pjazza tal-Katidral tinbidel f'Ġenna ta' talb u devozzjoni lejn l-Assunta.”

Spjegaw ukoll x’qed jiġri fir-ritratti li qasmu mas-segwaċi tagħhom fejn qalu, “Fl-ewwel ritratt Santa Marija fi triqitha għall-ewwel darba lejn il-Katidral t'Għawdex (29/4/56). Fit-tieni, Santa Marija quddiem il-Każin tal-Banda Leone fi triqitha lura għall-Katidral t'Għawdex mill-Bażilika ta' Marija Bambina tax-Xagħra (3/5/06). Fit-tielet ritratt, Santa Marija taħt il-Pavaljun tagħha fil-jiem tal-Festa (Pix by P). Fir-raba’ ritratt, għeluq devot tal-Purċissjoni tal-15 t'Awwissu 2023, akkumpanjata mill-Kapitlu Katidrali u l-Banda Ċittadina Leone (Pix by P).”


Charlton Cefai