Issa li dħalna fix-xahar ta’ Mejju, żgur li ħafna huma ħerqana għat-tliet kunċerti li ser jittellgħu f’Għaxaq Grounds proprju fir-raħal pittoresk ta’ Ħal Għaxaq fis-17, 18 u 24 ta’ Mejju.

Kollox jibda nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju b’kunċert mill-aqwa mill-artist Taljan, Umberto Tozzi.

L-għada, is-Sibt 18 ta’ Mejju, dawk preżenti ser ikunu jistgħu jesperjenzaw kunċert mill-kantanta Amerikana, Anastacia.

Summerlust

Ġimgħa wara, proprju l-Ġimgħa 24 ta’ Mejju ser jittella’ kunċert marbut mas-snin disgħin mtella’ minn diversi artisti fosthom Corona, ICE MC u Dj Prezioso li żgur ser jinżlu għasel mal-udjenza preżenti. Ma’ dawn l-artisti kbar jingħaqdu wkoll talenti lokali differenti biex ikomplu jżewqu l-atmosfera.

Dawk li għadhom ma ħasbux biex jixtru l-biljetti, jistgħu jagħmlu dan billi jżuru s-sit www.showshappening.com.

Anastacia

Tajjeb insemmu li fl-ewwel żewġ kunċerti ser ikun hemm żoni apposta li fihom l-udjenza tista’ tidħol issegwi l-kunċert mingħajr ħlas u biljetti.  Dan jgħodd ukoll għas-serata finali tal-24 ta’ Mejju, li ser ikun kunċert kollu kemm hu bla ħlas.

Bħalma ġara fis-snin li għaddew, matul dawn it-tliet kunċerti ser jinġabru xi donazzjonijiet li din is-sena ser imorru kollha kemm huma b’risq DAR Bjorn.

Kif kulħadd jaf, ir-residenti fiż-żewġt idjar ta’ DAR Bjorn igawdu minn servizzi differenti marbuta ma’ mard newroloġiku.

Tajjeb insemmu wkoll li bħalissa l-fondi miġbura kollha qed imorru għall-proġett il-ġdid ta’ DAR Bjorn Respite.

Wieħed tajjeb ikun jaf li l-organizzaturi jaħsbu wkoll biex jiftħu żoni apposta ta’ parkings differenti fil-viċinanzi ta’ fejn ser jittellgħu l-kunċerti.

Għal aktar dettalji u informazzjoni nħeġġukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook Għaxaq Music Events. Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Umberto Tozzi

Facebook/ Għaxaq Music Events


Gwida.mt