Friska friska mill-Eurovision Song Contest, l-artista lokali Sarah Bonnici nediet is-single l-ġdida tagħha, Lose. Kanzunetta li Sarah kitbet flimkien ma' Micimago. Lose toffri ħoss pop modern bi stil mexxej. Permezz tal-lirika tagħha, Sarah tiftaħ qalbha dwar il-battalja interna tagħha kontra l-fatt li taħseb iżżejjed u t-taqbida kontinwa biex tinħall mill-ħsibijiet li jkollha għaddejjin.

Sarah hija kantanta, żeffiena u pjanista ta’ 25 sena. Il-passjoni tagħha għall-arti ġiet skoperta fi ċkunitha ħafna. Fl-2009, Sarah iddebuttat fil-Malta Junior Eurosong fejn ġiet fit-tielet post. Minn dak iż-żmien, hija ħadet sehem f’bosta kunċerti u avvenimenti, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.

Is-sena l-oħra Sarah ħarġet is-single tagħha Never Ever, li kienet segwita mill-parteċipazzjoni u t-trijonf tagħha fil-Malta Eurovision bil-kanzunetta Loop, li rriżultat fil-parteċipazzjoni tagħha fl-aktar edizzjoni riċenti tal-Eurovision Song Contest fl-Iżvezja.

Din is-single se tkun segwita minn video mużikali, li mistenni joħroġ fuq il-YouTube channel ta’ Sarah fil-ġimgħat li ġejjin.


Emil Calleja Bayliss