Chasing Pandora tawna wħud mill-aqwa kanzunetti li qatt ħarġu mill-gżira Għawdxija. Min ma jiftakarx Memories u Feel The Rain!? Żewġ kanzunetti li għamlu suċċess kbir u għadhom jindaqqu sal-lum il-ġurnata.

Id-dwett popolari lokali kienu ddeċidew li jagħmlu xi proġetti bħala artisti solisti u għal xi żmien rajn mużika minn Mel Xkejfa u FellowFish. It-tnejn li huma tawna kanzunetta tajbin iżda flimkien kellhom xi ħaġa speċjali u jidher li huma għarfu dan u r-ritornaw bis-silta Teatime.

Infatti Teatime hija l-ewwel kanzunetta tagħhom wara 14-il sena. Infatti din il-kanzunetta titkellem fuq l-obbligi tal-ħajja ta' kuljum, l-esperjenzi li wieħed jgħix fil-ħajja adulta u r-rutina li nispiċċaw nidħlu fiha! B'hekk importanti li wieħed iħares lejh innifsu u tara li tgħix u mhux biss teżisti.

Teatime infatti hi riflessjoni ta' kif wieħed għandu jinnaviga l-ħajja u l-isfidi tagħha. Chasing Pandora jilqgħu fi ħdanhom lil Ismael Azzopardi li ilu jdoqq magħhom mill-kunċett tagħhom fl-2006. Keith Anthony huwa l-produttur, recording Engineer, il-kittieb u wkoll kantant fuq l-album il-ġdid tagħhom. Melissa Portelli hija l-kantanta u l-kittieba ewlenija.

Chasing Pandora ma tbegħdux wisq aktar mill-ħoss oriġinali tagħhom, fejn qabel kienu jaħdmu ma' Steve Brown li wkoll ipproduċa u mexxa lil Elton John għal 20 sena. Jiddomina l-kanzunetta tagħhom wieħed isib lirika profonda, melodija mħallta mal-ħoss tal-kitarri u pjanu.

Huma jiffokaw li jirrakkontaw l-istejjer u jinsġu l-melodija bl-aħjar mod possibbli.


Emil Calleja Bayliss