Chris Fearne ssuġġerixxa li fil-ġimgħat li ġejjin taf ikun hemm aktar restrizzjonijiet li ħa jidħlu fis-seħħ. Waqt li kien qed jitkellem fuq Xtra Sajf ma' Saviour Balzan fuq TVM ilbieraħ filgħaxija, Fearne spjega li hekk kif it-temp jibda jiksaħ isir iktar probabbli li n-nies jibdew jiltaqgħu ġewwa, li jista’ jkun li jeħtieġ kontroll aktar strett.

“S’issa għidna li ma jistax ikun hemm aktar minn 15-il persuna flimkien fi grupp. Issa li t-temp qed idur, huwa iktar probabbli li n-nies jibdew jiltaqgħu ġewwa minflok barra, allura probabbilment ikun importanti għalina li nnaqqsu dak il-grupp ta’ 15,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Hu talab li jimxu mal-miżuri eżistenti, waqt li insista li din mhix biss kwistjoni ta' amministrazzjoni ta' multi iżda għandha ssir bħala eżerċizzju ta' solidarjetà. "Solidarjetà bejnietna - li aħna mhux biss inħarsu saħħitna stess, imma nħarsu wkoll is-saħħa tal-bqija tas-soċjetà - huwa prinċipju kardinali li għandna nkomplu nenfasizzaw," huwa qal.

Fearne infati kompla jenfasizza kemm huwa importanti li persuni b’saħħithom fis-soċjetà juru solidarjetà ma’dawk li huma l-aktar vulnerabbli billi jimxu mal-miżuri preventivi, waqt li nnota li dan jgħin biex inaqqas iċ-ċansijiet li individwi vulnerabbli jiġu infettati b'dan il-virus li jista' jkun fatali.

“Il-ħajja trid tibqa’ għaddejja... Iktar ma jkunu baxxi n-numri fil-komunità, inqas ikun ir-riskju li l-virus jasal għal nies vulnerabbli, mhux biss fid-djar tal-anzjani, imma kullimkien," huwa tenna.


Emil Calleja Bayliss