Tax-Xelter qaluli li huwa qattus aggressiv u mgerrex. Probabbli qatt ma jista’ jgħix f’dar.

“ Iżda kif rajtu ridt ntih ċans għax kont naf li ma hemmx wisq tama jekk jibqa’ hemm. Kien qed jibki u jgħajjat ħafna. Ħadtu d-dar, tellajtu fuq, ftaħtlu l-kaxxa bilmod u newwiltlu ftit ikel.”

Hekk kif il-mara li jisimha Grace tibda tkellem lill-qattus b’ħlewwa liema bħalha, jibda jiftaħ u jagħlaq idejh ftit ftit (għal min hu familjari mal-qtates, din il-mossa jagħmluha meta jkunu qed jieħdu pjaċir jitfissdu). Kif imbagħad Grace tmellislu rasu, il-qattus jinħasad ftit għall-bidu iżda mal-ħin joqgħod u jibda jitfissed ma’ jdejha.

“Nimmaġina li dan il-qattus għadda minn ħafna u kellu ħajja iebsa. Ma kien xejn aggressiv miegħi anzi l-oppost. Kull ma kellu bżonn xi ħadd jemmen fih.”

Il-qattus kellha taħslu għaliex kien maħmuġ ħafna mbagħad kebbitu ġo kutra. Grace kienet ġieli tpoġġi ħdejh f’kamartu għal tmien sigħat sħaħ. Tgħid li ma kinitx taf eżattament x’qed tagħmel iżda ddedikat ħafna ħin u paċenjza sabiex tgħinu jħossu komdu fil-preżenza tagħha. Wara ftit ta’ ġranet ir-riżultat kien li l-qattus beda jħossu tant komdu ma’ sidu li saħansitra beda jitla’ jpoġġi fuqha.

“Fil-bidu ma kienx jista’ jiċċaqlaq wisq u ma kellu ebda interess fil-ġugarelli. Kull ma xtaq kien fsied u mħabba.”

Fl-aħħar tal-filmat naraw lil qattus jiltaqa’ mal-qattus l-ieħor, Joey, ta’ Grace u bilmod il-mod isiru ħbieb mill-aqwa. Prosit ta’ dan il-ġest tassew ħelu li salvat il-ħajja ta’ dan il-qattus. Kultant kull ma jkollna bżonn huwa dik il-ftit mħabba li tgħinna nerġgħu fuq saqajna.

Facebook / The Dodo, CSAF


Gwida.mt