Dan huwa l-ewwel Milied fejn il-ġenituri ta' Jake Vella sa jkunu mifrudin minn binhom. Fl-età tenera ta' 15-il sena, Jake tilef ħajtu ftit xhur ilu wara li għal diversi snin iġġieled il-kundizzjoni rari tar-ROHHAD.

Aħna ta' Gwida.mt kellna l-opportunità li nitkellmu ma' Josie, missier Jake, fejn fost oħrajn stqarr magħna kif qed iħossu jiċċelebra dan l-ewwel Milied fin-nuqqas ta' ibnu li tant kien jgħożż.

1. Li kieku kellkom terġgħu tgħixu memorja sabiħa waħda partikolari mill-Milidijiet tas-snin preċidenti, tagħkom flimkien ma' Jake, liema tkun?

Għandna ħafna memorji sbieħ flimkien ma' Jake. Waħda partikolari li tibqa' f'qalbna hija kif f'jiem bħal dawn Jake kien iqum kull filgħodu u jmur jiftaħ ir-rigali għaliex kien baqa' jemmen b'Father Christmas anke meta kellu tlettax-il sena.

Mumenti oħrajn li kienu sbieħ huma l-aħħar żewġ Milidijiet li qattajna fis-sala Disney Land f'Mater Dei fejn anke konna mdawrin b'ġenituri oħrajn li tista' tgħid kienu għaddejjin mill-istess ċirkostanzi tagħna.

2. Jake kien bniedem speċjali. Meta tħarsu lejh u lejn il-ħajja li għex fejn dejjem fittex li jgħin lil ta' madwaru, x'valuri nissel fikom li tibqgħu ġġorru tul ħajjitkom?

Il-valuri li tgħallimna mingħand Jake huma li napprezzaw il-ħajja, ngħixu llum għax għada ma tafx x'inhu ġej għalik, imma aktar minn hekk li nirrispettaw lil xulxin u ma nagħmlux ħsara lil ħaddieħor.

3. Kieku Jake jista' jismagħkom bħalissa f'dawn iż-żminijiet tal-Milied, x'tgħidulu?

Kieku nistgħu nkellmuh għandna ħafna x'ngħidulu, però żewġ kelmiet li konna dejjem ngħidulu huma, "nibqgħu miegħek sal-aħħar nifs," kif fil-fatt għamilna.

4. Kif kontu tqattgħu jum il-Milied flimkien ma' Jake? Dis-sena sabiex tonoraw il-memorja tiegħu, kif sa tkunu qiegħdin tqattgħu dawn iż-żminijiet?

Nistgħu ngħidu li ħafna mill-Milidijiet qattajnihom fl-isptar aħna, però dejjem ippruvajna noħorġu l-ward mix-xewk. Jake għallimna biex ma napprezzawx affarijiet materjali iżda napprezzaw iktar il-preżenza ta' xulxin. Il-Milied qatt ma gawdejnih bħal nies oħra li jmorru ċ-ċelebrazzjonijiet.

Dis-sena l-Milied ma tantx ħa jkun sabiħ peress li ħa nkunu mingħajr Jake, iżda xorta waħda sa nippruvaw ingawduh anke jekk stess jien u l-mara ħa nkunu waħedna għax tista' tgħid li mingħajr Jake aħna tlifna kollox. Nipprovaw insibu wens fl-imħabba ta' xulxin.

Jake kien il-frott tagħna u għal ħafna żmien kien jiġi l-ewwel. Issa Jake iridna maqgħudin flimkien niċċelebraw il-Milied. Sa jkun preżenti fostna xorta waħda peress li aħna lil Jake kremajnih.

5. X'messaġġ tgħaddu lill-ġenituri oħrajn li għad għandhom tfal t'età żgħira u forsi mhux dejjem japprezzaw din l-opportunità sabiħa?

Lit-tfal għandna dejjem napprezzawhom u nżommuhom ta' tfal. M'għandnix noqogħdu ngħidu għax qisu ħabib tiegħi. Fl-aħħar mill-aħħar, inti l-ġenitur. Trid iżżomm l-irwol ta' ġenitur u lil uliedek iġġibhom l-ewwel u qabel kollox.

Minn hawn nixtiequ nirringrazzjaw lil Jake. Nirringrazzjawh ta' kemm għallimna. Jake tana ħafna iżjed milli tajnih aħna. 

Aħna ta' Gwida.mt nixtiequ nirringrazzjaw lil Josie għall-ħin tiegħu, filwaqt li nawguraw lilu u lil martu Marouska sabiex jagħmlu kuraġġ f'dawn il-mumenti ibsin.

Strieħ fis-sliem, Jake!


Cristian Tonna