Il-Lejla Mdawla hija waħda mill-festivals lokali l-aktar mistennijin u l-aktar maħbubin: kull sena miżgħuda b’ruxxmata avvenimenti li jħajru nies mill-irkejjen kollha tal-pajjiż. U hemm ħafna li qed jurina li s-serata ta’ din is-sena, li se sseħħ matul il-lejla tal-5 ta’ Ottubru, mhi se tkun xejn inqas minn spettakolari. Allura x’nistgħu nistennew li naraw inqas minn xahrejn oħra ġewwa Notte Bianca?

Notte

Facebook / Notte Bianca Valletta

Fost l-avvenimenti li qed jitħejju għall-edizzjoni ta’ din is-sena, il-grupp teatrali Xenati se jkun qiegħed itella’ kummiedja mużikali bl-isem ta’ It-Tfajla Li Stunat. Dan huwa dirett u miktub minn Simon Bartolo, filwaqt li l-mużika għalkollox oriġinali se tkun f’idejn Gilbert Micallef.

Min-naħa l-oħra, tliet artisti lokali qegħdin jippreparaw il-proġett Alba Noctem, li se tkun sensiela ta’ prestazzjonijiet tal-kant bil-mużika tal-arpa. Il-proġett ser jinkludi lis-soprano Michaela Agius filwaqt l-arpisti huma Laetitia Troisi de Menville u Jacob Portelli. Il-Knisja ta’ Santa Barbara se tkun qiegħda tilqa’ lil dawn it-talenti, għal prestazzjonijiet versatili tul il-lejl sħiħ.

Concept of Movement ukoll tawna ħjiel ta’ x’għandna nistennew mingħandhom din is-sena: f’sensiela ta’ ritratti mtellgħin fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook, żvelaw li l-proġett taż-żfin tagħhom se jkun qiegħed jgħaqqad fih il-mużika folk ta’ Sam Christie mal-istil ta’ żfin urban.

Il-paġna uffiċjali ta’ Notte Bianca fuq Facebook ukoll kienet tellgħet ritratt fejn il-preparazzjonijiet jidhru għaddejjin ġmielhom, però mhux wisq intqal dwar x’qiegħed iseħħ... tistgħu taqtgħu x’ħa jiġri?

Facebook / Notte Bianca Valletta


Kurt Gabriel Meli