Hekk kif jagħmlu ta’ sikwit, il-paġna ta’ Ftit Minn Kollox qasmu mas-segwaċi tagħhom storja li bla ma trid miss qalb dak li jkun qed jaqraha. Bdew billi qalu, “ddejjaqni l-attitudni tan-nies meta jgħiduli, "Tifla bħalek kif għamilt dan l-iżball stupidu?" Meta kelli 14-il sena kont mort ġurnata baħar ma' ħabiba tiegħi. Hemmhekk laqqgħatni ma' ħuha, li kien xi 8 snin ikbar minni. Bdejna nitkellmu u nġbidt lejh mill-ewwel. Bqajna niltaqgħu kuljum, u għamilna sajf li qatt mhu se ninsa. Għamilt minn kollox biex il-ġenituri tiegħu ma jsirux jafu bih, għax kont naf li se joġġezzjonaw.”

Komplew billi qalu, “meta għadda s-sajf sirt naf li ħriġt tqila u dan il-ġuvni qalli li stajt neħles mit-tarbija. Ma ridtx, u lil dan il-ġuvni ma rajtux aktar. Bqajt nattendi l-iskola sal-aħħar, u għamilt l-eżamijiet. Qatt ma mort għal check-up tul it-tqala, u meta wasalt biex inwelled, daħħluni malajr l-emerġenza u ħellsuni. Il-mamà ġiet tarani erbat ijiem wara li wellidt, u baqgħet miblugħa għax ma kinitx taf li jien tqila. Missieri ħadha bi kbira wisq, insista li jien ma kontx kapaċi nieħu ħsieb it-tarbija u ma ridnix neħodha d-dar.”

Temmew jgħidu, “allura mort ngħix għand iz-zija tiegħi. Ma jiddispjaċinix li kelli lil Annalise, iżda jiddispjaċini għaliha. Għax xi kultant tistaqsi fejn hu l-papà tagħha u nispjegalha li jien u l-papà konna ninħabbu, għamilna lilha imma qabel ma twieldet qalli li jħobb iktar ix-xogħol, u telaqna. Kif nista' nbenġilhielha aħjar? Dak l-uniku wġigħ li baqagħli f'qalbi mill-istorja kollha, u tassew inħossu.”


Charlton Cefai