Elaine Sammut, preżentattriċi magħrufa ferm madwar Malta u Għawdex, qasmet magħna ftit dettalji dwar l-imħabba tagħha lejn il-midja u dwar xi jżommha motivata. Hi esprimiet ukoll kif jirnexxielha tegħleb l-isfidi tal-ħajja u tibbilanċja l-ħajja personali tagħha ma' dik tax-xogħol. 

Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-midja?

Sa minn mindu kont għadni tifla, niftakarni quddiem il-mera nirreċta li qed nippreżenta u kont nieħu l-lembuba mill-kċina u nżommha f’idejja taparsi mikrofonu. Kont inħobb insegwi teleserjes bil-Malti u programmi tat-tisjir. Kont noħdilha t-telefown lill-mama u nċempel LIVE fil-programmi ta’ Nancy Buhagiar.

Nancy kienet tinduna li jien tifla minn leħni u darba staqsietni sabiex niltaqgħu u sabiex nibda mmur insajjar fil-programmi tagħha. Għad għandi video tapes filfatt id-dar ta’ meta kont immur insajjar fuq it-TV ma’ Nancy. Għaddew ftit snin.... u meta għalaqt 16 –il sena kont immur bħala mistiedna fuq programm ta’ diskussjoni, dak iż-żmien fuq Favourite Channel.

Imbagħad wara li raw il-potenzjal tiegħi, Karl u Romina Bonaci offrewli li nagħmel magazine program kuljum, fix-xhur tas-sajf. Kont immur kuljum b’tal-linja minn Birkirkara għal Ħal Luqa u kont nieħu pjaċir ferm bir-rispons tat-telespettaturi u t-telefonati LIVE. Għalkemm kien għad kelli 16 –il sena, kont motivata u entużjażta li nkompli fuq din il-karriera.

M’għandix dubju li inti persuna li jkollok ħafna x’tagħmel. Tista’ taqsam magħna s-sigriet tiegħek kif tlaħħaq mal-familja, max-xogħol tiegħek, u mal-karriera tiegħek fuq it-televiżjoni?

 Tipprova tibbilanċja kollox fil-ħajja. Dak li ma niflaħx għalih ma nidħolx għalih. Sirt nitgħallem ngħid LE. It-tifla għandha 11 –il sena u dejjem qattajt il-biċċa l-kbira tal-ħin magħha u llum ma jiddispjaċini xejn għax għalkemm nitlewmu ħafna, imbagħad nimmisjaw lil xulxin meta nagħmlu xi ġurnata bogħod. Inqassam il-ħin tajjeb u nsib ftit ħin ta’ rilassament ukoll sabiex nevita ansjeta’ żejda.

Semmi xi mumenti li seħħew matul din is-sena li int vera tinsab grata għalihom.

 Meta gradwajt għat-3 darba b’ Bachelors Degree fl-Inklużjoni. Kull safra li nagħmlu dejjem isservi għal iżjed memorji flimkien għalhekk dejjem grata wkoll.

 Semmi xi tradizzjonijiet li tħobb tagħmel f’dawn iż-żminijiet ta’ festi li jfissru ħafna għalik.

 Inħobbu mmorru l-quddiesa ta’ nofs il-lejl nhar il–Milied u nżuru l-presepju ħaj ta’ Għawdex kif ukoll presepji oħra lokali. Ġieli nsiefru u anka naraw presepji barra minn xtutna. Nieklu mal-familjari d-dundjan jew xi ħaruf u nżuru t-toroq mdawwla. Kemm inħobb dawn iż-żminijiet ta’ paċi u ferħ.

Xi jżommok motivata, speċjalment meta tkun qed taffaċċja xi sfidi fil-ħajja?

Sfidi fil-ħajja kulħadd ser ikollu. Ma tistax tevitahom. Jgħallmuk tikber u tevolvi. Timmatura ferm. Meta nkun qed naffaċċja diversi sfidi, nitlob lil Santa Liena tgħinni u tiggwidani hi. Nitlob lil Gesu’ jkun magħna f’dawk iż-żminijiet li ma jkunux faċli għalina u nħalli f’idejh. Ngħid la rnexxieli negħleb ostakli oħrajn, din ser negħlibha wkoll jekk Alla jrid. U ngħid ukoll, li kollox ser jgħaddi, bħal kollox fid-dinja!

Grazzi lil Elaine talli qasmet magħna dan il-kliem ta' tant ispirazzjoni! Nawguraw lilha u lill-familja tagħha l-isbaħ xewqat għal dawn il-festi tal-Milied!

Facebook / Elaine Sammut


Gabriella Borg