F’Mejju, idħol fid-dinja maġika u kemxejn devjanti tal-ħrejjef favoriti tal-aħwa Grimm permezz tal-produzzjoni eċitanti tal-musical ta’ Stephen Sondheim, li rebħet għadd ta’ premjijiet, bl-isem ta’ ‘Into the Woods’. Il-palk tat-Teatru Manoel se jittrasforma f’foresta tal-ħrejjef għal din il-produzzjoni ta’ ‘Into the Woods’ taħt id-direzzjoni ta’ Lucienne Camilleri. Id-direzzjoni mużikali se tkun f’idejn Ryan Paul Abela, filwaqt li d-disinn tal-produzzjoni, f’idejn Matthew Cassar.
‘‘Jien ġejt introdotta għal Sondheim xi snin ilu meta ibni siefer lejn ir-Renju Unit sabiex ikompli l-istudji tiegħu fit-Teatru Mużikali, u bla ma naf kif, inġbidt lejn din id-dinja li ssaħħar ta’ Sondheim, drammaturgu inkredibbli li jsarraf mużika straordinarja f’kitba,’’ qalet id-Direttur Lucienne Camilleri. ‘‘Into the Woods mhix eċċezzjoni, u f’dan il-musical, aħna nintefgħu fi studju tal-psike umana, u x-xewqa ossessjonata tagħna li rridu dak li ma jistax jintlaħaq, biex finalment niskopri li mhux vera xtaqnieha daqstant, wara kollox.

Eżatt bħal fil-ħajja reali, jiġri li ninġibdu lejn deċiżjonijiet impulsivi li mhux dejjem jagħmlulna l-ġid. Biss huwa fit-twettiq tal-iżbalji li niskopru qawwiet differenti. Ilkoll nixxenqu għal ħajja tal-ħrejjef, iżda min-naħa l-oħra, dawn l-istess ħrejjef jistgħu jixħtuna f’abbiss mill-iktar fond ta’ qerq u inċertezza. Sondheim allura jistaqsi l-mistoqsija – Hemm soluzzjoni? Nistgħu noħorġu minnu?
‘Into the Woods’ huwa musical tal-1987, rebbieħa ta’ għadd ta’ premjijiet, b’mużika u lirika ta’ Stephen Sondheim, u hija bbażata fuq ktieb ta’ James Lapine. Din il-produzzjoni ta’ ‘Into the Woods’ għandha biex tiftaħar, minħabba fil-kast b’saħħtu li hija magħmula minnu. Il-kast jikkonsisti minn Dorothy Bezzina bħala s-saħħara, Joel Parnis bħala l-furnar, Rachel Fabri bħala l-mara tal-furnar, Thomas Camilleri u Ryan Grech bħala l-Prinċpijiet, Gianluca Cilia bħala Jack, Nadia Vella bħala Cinderella, u Stephen Oliver bħala n-narratur, fost artisti oħrajn ta’ talent kbir.

‘‘Ir-rehearsals kienu intensi, iżda l-kast tagħna nawwar u warrad b’mod impressjonanti,’’ esprimiet ruħha Camilleri. ‘‘Biex tibni relazzjoni li tassew tiffunzjona fil-ħin qasir li jkollna flimkien, tieħu ż-żmien, biss minħabba fl-impenn u l-passjoni tagħhom, dan l-inkonvenjent ingħeleb, u l-membri tal-kast tqarrbu lejn xulxin b’mod eċċezzjonali.’’ Din il-musical timmarka t-tielet kollaborazzjoni maġġuri bejn Lucienne, Ryan Paul Abela, u t-Teatru Manoel.
Dwar xogħolha ma’ Abela, Camilleri qalet ‘‘il-ħidma ma’ Ryan hija bħal operat f’negozju tal-familja msejjes fuq passjonijiet u ambizzjonijiet simili. Aħna nistinkaw li nipperfezzjonaw kulma nidħlu għalih flimkien. Nemmen li huwa grazzi għalih li rnexxieli nikseb ħafna mis-suċċess tiegħi, u dan sempliċiment għax meta jipproponi wħud mill-iktar musicals ta’ sfida jagħtini dik il-ħarsa ħelwa u jgħidli – Se jirnexxielna! Nistgħu nagħmluha! U allura kollox ward u żahar? Dażgur li le! X’gost ikun hemm kieku ma nisfidawx l-opinjonijiet ta’ xulxin u kieku ma niddubitawhomx ukoll, kultant?’’

Id-disinn tal-produzzjoni huwa f’idejn Matthew Cassar, li qed jaħdem fuq is-sett, il-kostumi u xi sorpriżi oħrajn. Il-mod kif il-musical Into the Woods jgħaqqad diversi ħrejjef klassiċi jagħmilha sfida kreattiva affaxxinanti,’’ qalilna. ‘‘L-iktar ħaġa li ħadt gost biha kienet li hawnhekk kellna l-opportunità nilagħbu b’dawn l-istejjer familjari, u fl-istess waqt nagħtuhom laqta mhix mistennija. Għal din il-produzzjoni, l-għan kien li noħolqu atmosfera iktar oskura u misterjuża li tiżżewwaq b’mumenti vibranti u kkuluriti biex noħolqu spettaklu viżiv affaxxinanti. Ninsabu ċerti li r-riżultat finali ser ikun verament spettaklu meraviljuż!’’
Matthew Cassar u Lucienne Camilleri t-tnejn semmew kemm il-kollaborazzjoni hija l-qalba ta’ kollox, f’każ ta’ produzzjoni ta’ dan il-livell. Cassar aċċenna għall-fatt li, ‘‘li nagħtu l-ħajja lil Into the Woods ma kienx ikun possibbli mingħajr ix-xogħol kollaborattiv bla waqfien tat-timijiet differenti fi ħdan it-Teatru Manoel. Mis-sett u l-kostumi, għal props, il-pupazzi, ix-xagħar u l-irtokk, kull dipartiment ħadem bla heda mill-qalb bil-kreattività tiegħu f’din il-produzzjoni. Kienet ta’ ispirazzjoni li naraw tant talenti jaħdmu flimkien biex joħolqu ambjent li se jittrasporta lill-udjenza lejn dinja maġika.’’

‘Into the Woods’ se jittella’ fiż-żewġ weekends ta’ bejn id-9 u s-18 ta’ Mejju fit-Teatru Manoel, f’ħinijiet varji, u b’xows kemm filgħodu u waranofsinhar. Il-play, bl-intervall inkluż, hija twila sagħtejn u tliet kwarti. Għal iktar informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-play u l-prezzijiet tal-biljetti, u sabiex tibbukkja l-biljetti, tista’ żżur is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/into-the-woods/ jew iċċempel il-Box Office tat-Teatru Manoel fuq in-numru: +356 2124 6389.