Ivan Gaffiero, raġel li jaħdem fl-industrija tal-immudellar, qasam magħna ftit ħsibijiet dwar is-sena li għaddiet u l-pjanijiet li għandu għas-sena li ġejja. Hu spjega ftit ukoll dwar il-passjoni tiegħu lejn l-immudellar.

1 - X’kien il-mument f’ħajtek li ġiegħlek tirrealizza li l-industrija tal-immudellar kienet il-karriera għalik?

Minn mindu kont żgħir dejjem kont inħobb insegwi Miss Malta. Dak iż-żmien Miss Malta kienet xi ħaġa kbira. Kienet xi ħaġa kbira li tara min huma l-kontestanti, kont nara min hi Miss Gzira peress li dak iż-żmien aħna dejjem għexna l-Gżira minn meta kont għadni tal-eta’ ta’ 23 sena. Dejjem kont infittex il-Miss Gżira u nagħti s-sapport tiegħi. Minn hemmhekk qisni bdejt nitħajjar li nkun xi darba organizzatur tal-immudellar imma qatt ma stennejt li se nasal s’hawnhekk. Miegħi bdew ħafna mudelli li llum il-ġurnata huma top models, oħrajn anke siefru barra, oħrajn rebħu titli kbar bħal Miss World u Miss Universe. Inħossni onorat li ili 30 sena f’dan it-tip ta’ xogħol. 

2 - Semmi xi mumenti li seħħew matul din is-sena li int vera tinsab grat għalihom. 

Jiena għedt din is-sena rrid nagħmel pass ieħor f’ħajti u għedt din is-sena rrid li nibdel il-lokalita’ fejn noqgħod, immur lokalita’ iktar kwieta, inbiddel id-dar. Jiena bniedem li nħobb ħafna d-dar għalhekk xtaqt li nkabbar naqra d-dar. Ġie Frar, qbadt ir-ritratti tad-dar u tfajthom fuq il-Facebook u għedt id-dar tiegħi hija għall-bejgħ. It-tfal qaluli tipo ‘uwejja pa mhux tajjeb qegħdin hawn, x’kedda’. Imma jien persuna li meta ndaħħal xi ħaġa f’rasi nagħmilha. Ġew ħafna nies jaraw id-dar tiegħi, kien ikun hemm nies li mħajjrin u oħrajn biex jissendikaw fejn joqgħod Ivan Gaffiero. Fl-aħħar jien biddilt id-dar, se jkun l-ewwel Millied tiegħi f’lokalita’ ġdida, dik ta’ Ħal-Għaxaq. Inħoss li din is-sena għamilt xi ħaġa kbira ħafna. Ma qtajtx qalbi, sibt ħafna bibien magħluqin, sibt ħafna rtoppi pero’ ma qtajtx qalbi u llum il-ġurnata qiegħed hawn. 

3 - X’taħseb dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-aħħar tas-sena? Għandek xi ftit għas-sena li ġejja? 

Jiena nemmen fir-riżoluzzjonijiet, qisni kull sena ngħid li ħa nagħmel xi ħaġa. Din is-sena kif għedtlek, għedt li nixtieq inbiddel id-dar u biddilt id-dar. Is-sena l-oħra għedt irrid immur Dubai u mort Dubai. Għas-sena d-dieħla għandi pjanijiet oħrajn. Miniex mija fil-mija liem huma għax għandi iktar minn waħda imma nixtieq nagħti kas naqra iktar is-saħħa tiegħi, niekol iżjed ikel sustanzjuż, nagħti kas iktar il-mixi u forsi nagħmel kuraġġ immur il-gym, pero nixtieq ukoll inżur xi pajjiżi u b’mod speċjali nixtieq li jerġa’ jkolli l-opportunita’ mmur il-missjoni. 

4 - Xi jżommok motivat, speċjalment meta tkun qed taffaċċja xi sfidi fil-ħajja? 

Jiena nħossni li nibqa’ ngħix u nibqa’ b’saħħti mhux biss għalija nnifsi iżda kemm għal uliedi, kemm għall-familja tiegħi għax jien għad għandi l-ġenituri, pero’ wkoll nemmen li jiena importanti għal ħafna nies. Noħroġ ħafna nies mill-mistħija, mis-solitudni, noħrog ħafna nies mill-biżgħat u naf li qiegħed hawnhekk f’din id-dinja biex ngħinhom. Meta nara mudella tiela' fuq il-catwalk, anke t-tfal li lanqas biss kienu jitkellmu u llum il-ġurnata neħħew il-mistħija, dak għalija huwa sodisfazzjon. Xi ħaġa oħra li tagħmilni kuntent f’din il-ħajja huwa l-programm li nagħmel kull nhar ta’ Tnejn fuq OneRadio, li naf kemm ikun hemm mijiet u eluf ta’ nies li jisimgħu dan il-programm it-tnejn filgħaxija għaliex huma f’solitudni u jistennewh. Ġifieri jien inħossni importanti f’din il-ħajja, qabel ma kontx inħossni daqshekk importanti. Illum il-ġurnata meta nħares lejn mera ngħid jien hemm bżonn li nibqa’ hawn f’din il-ħajja u hemm bżonn nibqa’ hawn għax jien fadalli x’noffri lil ħafna nies. 

5 - Kieku stajt tagħti parir lilek innifsek meta kont żgħir u għadek tibda fil-karriera tiegħek, x’kont tgħidlu?

Kieku kelli nagħti parir lili nnifsi, nerġa mmur lura, nerġa nagħmel l-affarijiet li għamilt għax għamilt ħafna affarijiet tajbin fil-ħajja. Għamilt affarijiet ħżiena pero’ mill-affarijiet ħżiena jiena tgħallimt ħafna. Tgħallimt meta żżewwiġt, kelli żewġt ulied u ż-żwieġ tiegħi ma kompliex u sseparajt imma tgħallimt kemm hi tbatija meta xi ħadd jissepara u għalhekk nifhem lil dawk in-nies li qed jisseparaw. B’mod speċjali jisseparaw fi żmien il-Milied, kemm hi iebsa, tal-biża’. F’din il-ħajja kieku kelli nerġa mmur lura, għamilt żball f’ħajti li dejjem ngħid il-kelma ma nafx, ma nafx nagħmel hekk u hekk, illum il-ġurnata nipprova kollox u ma naqtax qalbi għal ħafna affarijiet. Hemm ħafna affarijiet li kieku jiena kelli nerġa’ nkun żgħir forsi ma nagħmilhomx jew nagħmilhom imma dawk li ma kinux ta’ suċċess għalija, tgħallimt mill-esperjenza u nista’ nagħti parir lil ħaddieħor. Illum il-ġurnata ngħid il-verita’ li l-esperjenzi tal-passat kważi nsejthom u qed inħares il-quddiem għal ħafna iktar suċċessi. 

Nirringrazzjaw lil Ivan Gaffiero ta' dawn it-tweġibiet li tant ħarġu mill-qalb. Nawgurawlu l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida u nisperaw li l-ħolm kollu tiegħu għal din is-sena jsir realta'!

Facebook / Gaffiero Ivan


Gabriella Borg