Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook Evarist Bartolo qasam mas-segwaċi tiegħu messaġġ importanti fejn tkellem dwar il-gwerra. Beda billi qal, “Nittamaw li l-ħuġġieġa tal-gwerra ma tkomplix tikber u li aktar jintefa’ ilma biex tintefa flok aktar ħatab biex tkompli tikber ... wara li dal-lejl l-Iran spara 200 droni u missili lejn l-Iżrael biex ipatti għall-attakk tal-Iżrael fuq il-konsolat Iranjan f’Damasku fl-1 ta’ April fejn inqatlu uffiċjali militari Iranjani.”

Żied jgħid, “L-Iżrael qal li fl-attakk Iranjan ta’ dan il-lejl ma nqatlux nies, korriet tifla u bini militari ġarrab xi ħsarat. Se jiltaqa’ l-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda bħalissa presedjut minn Malta f’mument daqshekk perikoluż u diffiċli. Il-Kunsill tas-Sigurta’ huwa għodda li tkun effettiva skont kif tintuża mill-membri tiegħu, l-iżjed dawk il-ħamsa (Franza, Renju Unit, Russja, Ċina u l-Istati Uniti) li kull wieħed għandu d-dritt tal-vot tal-veto u jista' jwaqqaf kull pass li jkun irid jittieħed.”

Temm jgħid, “Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres kkundanna l-attakk Iranjan għax iżid aktar id-deni’ tal-gwerra u sejjaħ liż-żewġ naħat biex irażżnu l-konfrontazzjoni ta’ bejniethom. Bir-raġun kollu qal: “La fir-reġjun u lanqas fid-dinja ma nifilħu gwerra oħra.” Saħħa u sliem.”

Facebook/Evarist Bartolo


Charlton Cefai