Permezz ta’ ħames mistoqsijiet, sirna nafu ftit aktar lill-artista Debbie Scerri, li persważ li hija familjari ma’ ħafna Maltin. Rajnieha tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest fl-1997, rajnieha fuq it-televiżjoni kif ukoll fit-teatru fost ħafna oħrajn. Il-karriera tagħha hija waħda mżewqa b’elementi differenti li tassew jgħatu kontribut lil Debbie Scerri bħala artista bravissima.

L-ewwel nett grazzi mill-ġdid talli aċċettajt li tagħmel din l-intervista. Matul il-karriera tiegħek, x'kienet esperjenza jew mument li jgħaddu kemm jgħaddu snin ma tinsa qatt bħala artista?

Naħseb l-ewwel esperjenza ta' festival tiegħi kien fl-1995 fejn kien sar il-festival bl-isem E.U. Cyprus and Malta. Ipparteċipajt bil-kanzunetta 'Born to Love', dwett ma' Alexander Schembri fuq Mużika ta' Jason Cassar u Kliem ta' Doris Chetcuti. Irbaħna Malta u b'hekk morna Ċipru nirrapreżentaw lil pajjiżna. Kien festival kbir b'orkestra live ġo arena b'udjenza t'eluf. Kienet esperjenza li ma ninsa qatt.

Debbie

Kif taħseb li l-industrija tal-mużika f'Malta nbidlet matul is-snin, u x’parir tagħti lil talenti ġodda?

L-industrija mużikali f'pajjiżna evolviet mhux ħazin, għadni niftakar recordings fuq reel to reel mentri maż-żminijiet it-teknoloġija kibret u l-ħoss irfina. Però ngħid li kull żmien fih is-sabiħ tiegħu. Liż-żgħażagħ ngħidilhom tibżgħux tesperimentaw u tikkollaboraw ma' nies differenti, iżda qatt tinsew minn fejn bdejtu.

Naturalment tibqa’ popolari immens il-prestazzjoni tiegħek ta’ Let Me Fly fil-Eurovision Song Contest tal-1997, fil-futur hemm ċans li nerġgħu narawk tipparteċipa fil-Eurovision?

Ħadt gost li esperjenzajt il-Eurovision darbtejn fl-1993 bħala BV ma' William Mangion u fl-1997 bħala solista. Naħseb li kien biżejjed. Il-Eurovision huwa pjattaforma eċċezzjonali imma mhux hu biss. Nieħu gost nagħmel affarijiet differenti fosthom it-teatru mużikali.

Debbie 2

Għandek xi tradizzjonijiet speċjali marbutin mal-ġurnata tal-Milied li tagħmel kull sena? U kif beħsiebek tqatta’ l-Milied din is-sena?

Il-Milied ifisser familja, l-quddiesa tal-Milied u tirrilassa u, ħeħe tiekol xi naqra żżejjed, din is-sena mhux b'inqas.

X’ifisser il-Milied għalik?

Naħseb tajjeb li f'dawn iż-żminijiet naħsbu ftit f'min qiegħed ibati, kemm mentalment, fiżikament u anki finanzjarjament.

debbie 3

Facebook/Debbie Scerri


Charlton Cefai