Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ingħatat Dottorat ta’ Honoris Causa bħala rikonoxximent għall-mertu akkademiku, xjentifiku u professjonali tagħha fil-qasam tar-Relazzjonijiet Internazzjonali mill-Università ta’ Lisbona fil-Portugall. Il-lawrja prestiġjuża ġiet deskritta bħala “mod kif tiġi assoċjata b’mod li ma jitħassarx id-demokrazija u l-proġett Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin jissaħħu ż-żewġ dimensjonijiet fil-Portugall u fl-Ewropa, u biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ dwar il-ħtieġa li jipparteċipaw b’mod attiv fl-elezzjonijiet Ewropej, kemm bħala forma ta’ dmir ċiviku, iżda wkoll biex jiggarantixxu d-drittijiet bażiċi tagħhom bħala ċittadini Ewropej.”

Il-Professur Carla Margarida Barroso Guapo da Costa, li ppreżentat in-nomina tal-Honoris Causa, irreferiet għal diversi raġunijiet, “li bla dubju jikkonfermaw il-kontribut ta’ Roberta Metsola għat-tisħiħ u l-progress tal-proġett Ewropew.”

Il-Professur Guapo da Costa qalet li huwa partikolarment rilevanti li l-President Metsola kienet kapaċi tressaq ir-rappreżentanza ta’ pajjiż daqshekk żgħir, li mhux dejjem jokkupa post ċentrali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, lejn il-qalba tal-istituzzjonijiet Ewropej.

“Hija l-ewwel darba li ċittadin minn gżira żgħira rnexxielu jokkupa l-presidenza ta’ waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin, li b’xi mod jittraduċi bidla fl-istruttura attwali tal-poter fi ħdan l-Unjoni Ewropea,” saħaqet il-Professur.

Waqt li elenkat l-kredenzjali tal-President Metsola fejn tidħol il-ħidma tagħha favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi, il-Professur Guapo da Costa qalet li “l-ħidma u l-konvinzjonijiet ta’ Roberta Metsola jesprimu valuri essenzjali li tħaddan bl-istess mod li ħaddnu predeċessuri tagħha, u huwa essenzjali li nsemmi r-rwol tan-Nisa fil-kostruzzjoni Ewropea, jiġifieri ż-żewġ nisa li ġew qabel Roberta Metsola bħala Presidenti tal-Parlament Ewropew, Simone Veil u Nicole Fontaine, mingħajr ma nsew lill-pijuniera, Louise Weiss. Għax ir-rwol tan-nisa huwa assolutament fundamentali fil-bini tal-Unjoni Ewropea.” Żiedet tgħid li mill-bidu tal-ħajja ċivika u l-karriera politika tagħha, Roberta Metsola wriet li kienet “lesta li taħdem bla heda għad-difiża tad-demokrazija, il-libertajiet individwali u l-istat tad-dritt.”

Meta rċeviet l-Honoris Causa, il-President Metsola qalet li lil hinn minn rikonoxximent għall-ħidma tal-Parlament Ewropew, hija tara dan bħala responsabbiltà li tkompli twieġeb f’isem l-Ewropa. “Bħala rieda mġedda biex nimbuttaw 'l quddiem il-promozzjoni tal-valuri Ewropej tal-libertà, demokrazija, ugwaljanza u ġustizzja – li forsi spiss inqisu li qatt ma jistgħu jintilfu. U li qed jiġu mhedda dejjem aktar.”

Il-President Metsola qalet, “Jien nemmen fl-Ewropa – fis-setgħa tagħna li nbiddlu l-ħajja u nfasslu l-futur. Nemmen fil-mod tagħna. Nemmen li aħna aħjar meta naġixxu flimkien. Nemmen kemm issa daqs għoxrin sena ilu. Il-politika ma naqqsitx il-passjoni tiegħi għall-bidla. Xegħelet nar taħtha.”

Hi temmet b’appell: “Qumu, kunu il-bidla, użaw leħinkom. Ieqfu stennew li xi ħadd ieħor jagħmel dan.”Suċċessi bħal dawn ċertament li jkomplu jagħmlu isem għal pajjiżna! Prosit! Nieħdu gost nisimgħu b'politiċi jagħmlu isem pożittiv barra xtutna!


Gwida.mt