Mid-19 sal-21 ta’ April, TOI TOI, il-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel se jkun qiegħed jippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Għid tagħhom, għall-familja kollha. It-tema ta’ din is-sena se tkun L-Istorja tal-Mużika ta’ Gruppi Mużikali Subien (The History of Boy Band Music) f’ċelebrazzjoni nostalġika li se tinkludi fiha minn Boyzone sa BTS.

Tkellimna ma’ Kate Fenech Field, il-Maniġer tal-Programm ta’ TOI TOI, kif ukoll id-Direttur ta’ ‘The Boy Band Chronicles’ sabiex nitgħallmu ftit iżjed dwar dan l-ispettaklu.

Matul is-snin, il-kunċerti tal-Għid ta’ TOI TOI koprew varjetà wiesgħa ta’ temi li jagħmlu l-mużika aċċessibbli għal nies ta’ kull età – x’ispirak biex tagħżel din it-tema għall-2025?

‘‘Li qed tgħid huwa ċertament minnu. L-ewwel kunċert tal-Għid ta’ TOI TOI ttella’ b’kollaborazzjoni mal-Big Band Brothers, li bla dubju kopra klassiċi ta’ gruppi mużikali u inkluda ammont sabiħ ta’ kanzunetti minn epoki differenti. Matul is-snin inkludejna numru ta’ topiks, kollha b’mumenti ta’ tagħlim mibnijin fi ħdanhom, biss, iktar importanti minn hekk, kollha ddisinjati biex ikunu aċċessibbli, ta’ gost, u b’diski li wieħed jista’ jkanta magħhom. Li tirriforma u ġġib flimkien gruppi mużikali maħbubin minn żmien ċkunitna u żogħżitna hija xi ħaġa li eżistiet sa minn mindu ġew ivvintati l-gruppi mużikali.

Ispirajna ruħna minn żjara fl-Edinburgh Fringe, u aħna u nsegwu kummiedja ġdida dwar l-istorja ta’ NSync, tkebbset konverżazzjoni dwar l-idea ta’ fans ferventi (superfans) u l-poter tal-mużika immirata lejn il-preadoloxxenti sabiex permezz tagħha jitqanqlu memorji mill-passat. Bis-saħħa ta’ wħud mill-iktar diski tal-widna u li tant ikantaw magħhom in-nies, ta’ dawn l-aħħar sittin sena, aħna se nkunu qegħdin noffru l-opportunità li ngħixu flimkien mumenti ġodda mal-grupp mużikali TOI TOI Boy Band, iffurmat reċentement, fi ħdan it-teatru sabiħ tagħna.

L-ispettaklu ‘The Boy Band Chronicles’, kif jorbot mal-valuri mħaddnin mill-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni ta’ TOI TOI u l-għan tiegħu?

‘‘Il-missjoni tal-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni hija li teduka u tagħti gost, u aħna nagħmlu dan billi nġibu flimkien u nżewqu xogħolna b’elementi aċċessibbli. Kultant, dan jista’ jfisser li tagħżel mużika pop jew xogħlijiet kontemporanji diġà magħrufin mill-udjenża u l-karattri li naħsbu li nafu diġà.

Kellna suċċess meta ħadna l-format oriġinali u esplorajna l-istruttura jew l-istorja b’mod ġdid. Eżempju ta’ dan kien l-introduzzjoni tagħna għall-Istrumenti tal-Korda, bl-isem ta’ Once Upon a String. Hemmhekk użajna l-ħrejjef u varjetà wiesgħa ta’ ġeneri mużikali sabiex it-tfal jitgħallmu dwar il-ħsejjes u d-dehra tal-istrumenti differenti tal-korda. Ix-xogħol tagħna kollu, mill-Baby Series sal-proġett tas-Singalong Sessions jieħdu dan l-approċċ, u dan għax qed nagħmlu ħilitna li nilħqu l-udjenzi kollha, u iva, dan jinkludi l-ġenituri, in-nanniet, u ta’ bejniethom kollha.’’

Għandek xi grupp mużikali subien favorit? Jew xi kanzunetta favorita mill-kunċert?

‘‘Naħseb se nkun qiegħda niżvela l-età tiegħi jekk ngħidlek isem il-grupp mużikali favorit tiegħi! Xi ħaġa li nħoss li permezz tagħha nistgħu nifhmu lil xulxin aħjar huwa l-fatt li lkoll għandna grupp favorit li l-mużika tagħhom mill-ewwel toħodna lura lejn żmien żogħżitna. Il-mużika fil-kunċert The Boy Band Chronicles tkopri firxa wiesgħa ta’ stili mużikali, mill-Beatles sa BTS. Nixtiequ nsemmu li l-Boy Band tagħna definittivament ma tikkonsistix minn subien biss.

L-ispettaklu se jesebixxi l-ispettru sħiħ ta’ tipi ta’ vuċijiet differenti. Però, biex inwieġeb il-mistoqsija tiegħek, dażgur li għandi kanzunetta favorita; kanzunetta speċjali għal ħafna minna, bl-isem ta’ ‘You Raise Me Up’, li saret famuża bis-saħħa ta’ Westlife – il-kanzunetta tat-Take That, ‘SHINE’ ssegwiha qrib ferm fit-tieni post. Il-kunċerti tal-Għid tagħna huma lkoll addattati għall-familja kollha, u din is-sena mhix eċċezzjoni. Se jkun hemm ħafna ferħ x’jinxtered u jinqasam mat-tfal matul dan l-ispettaklu.’’ 

Il-Kunċert Annwali tal-Għid ta’ TOI TOI joffri spazju fil-kalendarju sabiex il-familja tingħaqad flimkien f’esperjenza kollettiva, filwaqt li ġġib flimkien l-ixjeħ u l-iżgħar membri tal-komunitajiet tagħna fi spazju wieħed sabiex igawdu ftit mużika live fis-sbuħija tat-Teatru Nazzjonali Malti. Kunċerti preċedenti koprew varjetà ta’ temi, bħat-teatru mużikali u Disney, li pprovdew repertorju li seta’ jitgawda minn ġenerazzjonijiet differenti.

Dan jagħmel din l-attività waħda addattata perfettament għall-familja kollha. Din is-sena, TOI TOI se jkunu qegħdin joħduna b’nostalġija lura fiż-żmien b’tema marbuta ma’ gruppi mużikali subien. It-TOI TOI Boy Band se tkun qed ittella’ spettaklu bil-prestazzjoni ta’ sensiela ta’ kanzunetti spettakolari, waħda aqwa mill-oħra. Dawn se jkunu akkumpanjati b’orkestra live taħt id-direzzjoni tal-Maestro Edward Mifsud, bil-koreografija ta’ Warren Bonello u d-direzzjoni ġenerali ta’ Kate Fenech Field.

Dan il-Kunċert tal-Għid tat-TOI TOI huwa rrakkomandat għal kull min hu minn ħames snin ’l fuq, u jesplora l-istorja ta’ gruppi mużikali subien u l-mużika popolari b’xejra speċjali: It-TOI TOI Boy Band tinkludi tmien artisti teatrali inkredibbli; uħud minnhom huma artisti magħrufin sew fix-xena tal-ispettaklu, filwaqt li oħrajn għadhom kif ippenetraw ix-xena bi kbir: Michaela Agius, Rambert Attard, Andrew Buhagiar, Luigi Buhagiar, Faye Mallia, Tezara Saliba, Neville Refalo u Noel Zarb.

Dawn se jkunu akkumpanjati minn ensemble orkestrali. Bħala parti mill-isforz li jingħataw opportunitajiet lil artisti żgħażagħ fuq il-palk prinċipali, kull skrivanija se tkun qed tinkludi mużiċist żagħżugħ. Il-programm tal-avveniment se jinkludi mużika minn gruppi mużikali subien maħbubin minn bosta, kif ukoll Bajdiet tal-Għid Mużikali li jagħmlu parti minn kategorija kemxejn differenti.

‘The Boy Band Chronicles’ se jittella’ t-Teatru Manoel fid-19, l-20 u l-21 ta’ April. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online, minn fuq is-sit https://teatrumanoel.mt/event/toi-toi-easter-show-ages-4-the-boy-band-chronicles/, mill-Box Office, jew billi ċċempel fuq in-numru (+356) 21246389.


Gwida.mt