Il-pandemija ma waqfitx il-kreattività tal-kompożituri, awturi u kantanti jew gruppi mużikali milli jesprimu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom permezz tal-mużika. Il-festival is-sena l-oħra sar b'differenza mis-soltu, dan għaliex għall-ewwel darba mill-2016 il-festival ma ttellax b'orkestra live imma l-kompetizzjoni saret permezz ta' filmati mużikali li nġibdu lis-16-il kanzunetta finalista.

Ir-rebbieħa tal-edizzjoni li għaddiet kienet wiċċ ġdid għax-xena lokali, il-kantawtriċi Marilyn Aquilina rebħet l-44 edizzjoni ta' dan il-festival bil-kanzunetta Jien U Int li tistgħu ssegwu hawn taħt. Il-kumitat tal-Għanja tal-Poplu, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ħarġu r-regoli tal-45 edizzjoni ta' dan il-festival li mistennija ssir fis-7 ta' Awwissu. Meta wieħed jara r-regolamenti jirrealizza li l-festival ħa jirritorna lura b'mużika live fejn kull kanzunetta ħa tkun interpretata mill-orkestra.

L-aħħar edizzjoni li l-festival itella' bl-orkestra live intrebħet mill-kantawtur Philip Vella bil-kanzunetta Il-Verità, filwaqt li l-edizzjoni ta' qabel kienet intrebħet minn Michela Galea bil-kanzunetta Mhux Kulma Jleqq Deheb li kellha kompożizzjoni ta' Renato Briffa u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Dawk kollha li huma mħajra li japplikaw għal din il-kompetizzjoni jistgħu jidħlu jaraw ir-regoli tal-festival billi jagħfsu HAWN. Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lill-parteċipanti kollha kull suċċess.

Facebook / L-Għanja Tal-Poplu


Gwida.mt