Marie Christine, magħrufa għax-xogħol tagħha bħala infermiera u għall-parteċipazzjoni tagħha fuq Love Island Malta 2, qasmet magħna ħsibijiet dwar kif tqatta’ ż-żminijiet tal-festi u kif tibbilanċja bejn il-ħajja pubblika u dik personali. Minkejja l-attenzjoni pubblika li ġabet magħha l-esperjenza fuq ir-reality show, Marie Christine tkompli tibni ħajja mimlija sfidi u passjonijiet, kollha waqt li tibqa’ ddedikata għall-professjoni nobbli tagħha.

"L-Għan Tiegħi Huwa Li Nkun Aħjar Kemm Fil-Ħajja Personali Kif Ukoll Professjonalment" - Marie Christine

Dawn iż-żminijiet ta’ festi xi jfissru għalik u kif tibbilanċja bejn il-ħajja pubblika u l-ħajja personali fosthom ix-xogħol tiegħek ta’ infermiera?

Il-Milied inħobbu ħafna! Għalkemm xi kultant insibha diffiċli li nsib bilanċ bejn il-ħajja pubblika, il-ħajja personali u x-xogħol tiegħi bħala infermiera. Nagħmel l-aħjar li nista’ biex norganizza l-ħin tiegħi u biex inżomm din it-tradizzjoni mal-familja u l-ħbieb, iżda wkoll li nibqa’ nikkontribwixxi fil-professjoni tiegħi.

Kif l-esperjenza fuq Love Island Malta affettwatlek ħajtek u x-xogħol tiegħek ta’ infermiera?

L-esperjenza tiegħi fuq Love Island Malta kienet unika ħafna, speċjalment anke li x-xow ġab ħafna attenzjoni pubblika. Minkejja dan, it-tagħlim li ħadt minn din l-esperjenza għinni nissaħħaħ u nifhem l-importanza tal-kuxjenza personali,  ir-responsabbiltà u l-awtentiċità.


X’inhi l-aktar ħaġa li għandek passjoni għaliha apparti li tgħin lin-nies fix-xogħol tiegħek ta’ infermiera?

Apparti mix-xogħol tiegħi bħala infermiera, jiena għandi l-passjoni wkoll fil-kreazzjoni ta’ kontenut fuq il-midja soċjali u nsiefer. Inħobb nesprimi l-ideat tiegħi permezz ta’ pjattaformi diġitali, u nistinka wkoll biex nesperjenza esperjenzi ġodda u kulturi differenti, u dan jgħinni nżid l-għarfien tiegħi u nespandi l-orizzonti tiegħi.


Minn wara l-ewwel żewġ staġuni ta’ Love Island Malta kellek xi tagħlimiet li bidluk u tikkunsidra li terġa’ tidħol jekk ikun hemm ċans?

L-esperjenza ta’ Love Island Malta għinitni biex insir iktar b’saħħti, inkun onesta miegħi nnifsi u dejjem nirispetta u nghid l-verità, anke meta persuni oħra jippruvaw ikisruk. Għalkemm l-esperjenza kienet waħda ta’ tagħlim, ma nikkunsidrax li nerġa’ nidħol; żewġ staġuni huma biżżejjed għalija.

Għas-sena li ġejja għandek xi reżoluzzjoni li tixtieq twettaq?

Għas-sena li ġejja, nixtieq insifer iktar, naħdem aktar fuqi nnifsi u nkompli ngħin lill-oħrajn fejn nista’. L-għan tiegħi hu li nkun aħjar kemm fil-ħajja personali kif ukoll professjonalment.

 


Prisiah Schembri Fava