“Jiġu ġranet fejn inħossni li miniex biżejjed għalik, maħbub tiegħi. Jiġu ġranet fejn il-ħajja tant issir diffiċli li kull ma nkun irrid hu li npoġġi fil-karozza u nibki. Ningiref u naqla’ d-daqqiet kuljum, iżda lili mhux dak li jweġġagħni. Li jweġġagħni hu l-fatt li ma nistax nibdel il-mod kif tħossok inti. Inħobbok b’qalbi kollha int kif int, u l-unika ħaġa li nixtieq hi li kieku l-ħajja ma kienitx daqshekk inġusta miegħek.”

F’dan il-messaġġ imqanqal, Sefora Tabone mill-blog ‘I am Diego’, qalet li hi taf li binha, li huwa tifel bl-awtiżmu, jigrifha u jsawwatha mhux għax ma jħobbiex, iżda bil-kontra. Jaġixxi hekk magħha biss għax hi l-persuna li tagħmlu jħossu l-aktar sikur.

Din l-omm stqarret li hi qatt ma tista’ tħobb lil binha inqas jew tiġġudikah, jagħmel x’jagħmel. Minflok, titlob li la Diego jikber ftit aktar ikun jista’ jikkomunika aħjar, mhux biss il-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħal-ikel u xorb, iżda anki l-ħsibijiet, il-biżgħat u preokkupazzjonijiet li jkollu.

“Inħobbok ħafna, ibni. Twaddab xi twaddab il-ħajja lejk jien se nkun hemm biex nipproteġik, sakemm jippermettili Alla”, qalet Sefora fl-għeluq tal-messaġġ tagħha.

Facebook/ I am Diego


Maria  Desira