L-attur lokali Eric Grech jitkellem magħna ftit jiem qabel l-Ewwel tas-Sena! Intervista fejn ser insiru nafu aktar dwar xi jfisser għalih dan iż-żmien u x'jagħmel issoltu fi żmien dawn il-festi. Eric hu wkoll infermier u jaħsbu biex anke jtellgħu produzzjoni l-isptar.  

Liema hi l-isbaħ memorja tiegħek ta’ żmien il-Milied?

Meta konna ninġabru u niltaqgħu l-familja kollha u nqattgħu dik il-ġurnata speċjali flimkien. Naqsmu l-ikel, ir-rigali, iċ-ċajt (li ma jonqos qatt) b’ommi u missieri f’nofs is-sitwazzjoni u li sfortunatament m’għadhomx magħna. FIl-fatt dis-sena ddeċidejna li nmorru nieklu barra biex ma nħossux ħafna n-nuqqas tagħhom fid-dar. It-tradizzjoni; il-mużew; il-kant tal-Milied; ir-reċti tal-Milied: iktar il-Milied tradizzjonali milli tal-lum. Sfortunatament sar wisq kummerċjali.

Intom torganizzaw play l-isptar. Xi tgħidli dwar din il-produzzjoni?

Il-play saret fit-30 ta’ Novembru bl-isem ta’ ‘Pasturi Mfixxkla’ li kitibha Dominic Said u rranġaha Joseph Camilleri li huwa nurse ukoll u d-direttur tal-play. Ħafna mill-atturi huma dilettanti u hemm xi atturi stabbiliti ukoll. M’hemmx pretenzjonijiet fiha u għalhekk sabiħa u nieħdu ħafna gost fil-provi. L-għan huwa li nagħmluha b’risq il-Community Chest Fund. Is-sinsla ta’ din il-play hija Monica Camilleri għax tant tieħu ħsieb affarijiet litgħaqqad il-produzzjini mal-isptar.

Liema hi l-isbaħ memorja tiegħek waqt il-produzzjoni ta’ Simpatiċi?

L-iktar waħda li togħġobni u li nerġa’ naraha u naraha hi meta l-mara tas-Sur Callus għamlet għalih għax qattala l-kowt u jien u Ray, Antonella u Hermann konna fuq barra nissemgħu. Jien u ray bdejna nagħmluha jien ta’ missieri u hu tal-mara tas-Sur Callus u nitkessħu u nimitawhom - u dik ħarġet naturali u ma kenitx fl-iscript. Niftakar li meta għamilniha missieri veru għoġbitu u beda jidħak. Għalkemm missieri kien strett ħafna fuq l-iscript, f’Simpatiċi kien ħafna iktar rilassat. Simpatiċi kienu l-uniku teleserje li ħadt sehem miegħu jien fuq insistenza ta’ Hermann għax missieri qatt ma ried li nieħu sehem miegħu għax kull darba li nieħu sehem miegħu f’xi produzzjoni kont intelliflu lill-cast u ngħidilhom iċ-ċajt.

Temmen fir-riżoluzzjoni tal-Ewwel tas-Sena? X’inhi tiegħek?

Aktar milli riżoluzzjoni, kull sena li tgħaddi nħares lura lejha u ngħid ‘x’nista’ nirranġa u x’nista’ nagħmel aħjar is-sena li ġejja’. Din is-sena ma tantx kienet waħda sabiħa għalija fost diversi problemi bħal anke binge-eating. Iżda issa bdejt it-triq għat-tajjeb u qed nieħu ħsieb ġismi. Jien nemmen li persuna li hi għaddejja minn xi ħaġa meta ssib l-għajnuna minn nies ġenwini, tagħmel id-differenza kollha. 

X’messaġġ tixtieq tagħti lin-nies fi żmien ta' festi?

Hija xi ħaġa sabiħa li nħarsu lejn is-sinifikat tal-Milied. Jien meta nara l-Istrina u ta’ Puttinu nara s-saħħa tal-entitajiet u kemm jagħtu għajnuna. Jien niltaqa’ ma’ ħafna każi ta’ kanċer u nara kemm veru dawn l-entitajiet jagħmlu ġid. Jien nemmen li l-Milied għandu jiġbor il-familji flimkien u nemmen ħafna fl-imħabba lejn xulxin u r-rispett. Inkunu pożittivi fil-ħajja.


Bernard Xuereb